'Aħbarijiet infondati u foloz;' - Il-kowċ tat-Tim Nazzjonali jikser is-silenzju

Devis Mangia ġie sospiż mill-irwol tiegħu wara allegazzjonijiet ta' fastidju sesswali fil-konfront ta' plejer

Il-kowċ tat-Tim Nazzjonali Malti Devis Mangia, kiser is-silenzju dwar l-akkużi li qiegħed jiffaċċja u ċaħad l-allegazzjonijiet kollha fil-konfront tiegħu.

Mangia għamel dan permezz ta' stqarrija mill-avukati tiegħu lill-midja. Huwa saħaq li qatt ma wettaq "la issa u lanqas fil-passat" xi aġir li jagħmel ħsara lid-dinjita personali jew sesswali fil-konfront tal-ebda plejer jew membru tal-Federazzjoni.

Saħaq ukoll li għall-kuntrarju ta' dak li nqtal, l-istess allegazzjonijiet qatt ma kienu kkontestati fil-konfront tiegħu mill-Federazzjoni.

Iddeskriva dan kollu bħala aħbarijiet infondanti u foloz li jagħmlu ħsara "gravi lid-dinjità personali u r-reputazzjoni professjonali tiegħi."

L-avukati wissw kontra aktar pubblikazzjoni ta' stejjer u qalu li Mangia qed jirriserva d-dritt li jipproċedi legalment jekk dawn jibqgħu jidhru.

Mangia qal ukoll li minn issa ‘l quddiem, wara li ppreċiża l-pożizzjoni tiegħu permezz ta’ din l-istqarrija, kull komunikazzjoni oħra se ssir bi qbil mal-MFA, “b’rispett lejn il-korrettezza tar-rapport professjonali bejn iż-żewġ partijiet.”

Devis Mangia ġie sospiż mill-irwol tiegħu aktar kmieni din il-ġimgħa.

More in Lokali