L-art mogħtija lil Valletta FC kienet imwiegħda lil Swieqi UFC ... u l-klabb tas-Softball
Kelliem tal-Malta Baseball and Softball Association jgħid li l-Assoċjazzjoni m’għandhiex spazju fejn tipprattika l-isport tagħha
minn Ilenia Debono
L-art li l-Gvern alloka għall-klabb tal-futbol tal-Belt bi proposta fil-parlament, kienet diġa’ mwiegħda lill-klabb tal-futbol tas-Swieqi, kif ukoll lill-assoċazzjoni tal-baseball u softball f'Malta.
Kelliem tal-Malta Baseball and Softball Association qasam il-frustrazzjonitiegħu u tal-Assoċajzzjoni għall-fatt li ilhom imwiegħda spazju dedikatgħalihom għal iktar minn għaxar snin. Wieħed mill-ispazji li kien imwiegħedlill-Assoċjazzjoni kienet l-art ħdejn il-klabb tal-futbol tas-Swieqi, f’Pembroke, fejn il-ministru għarrafhom li din l-art ma setgħetx tiġiżviluppata.
Il-kelliem, li xtaq jibqa’ anonimu, qal li l-pitch li kienu jużaw oriġinarjament ingħata lill-klabbs tar-rugby b’numru ta’ sigħat limitati allokati għall-isports tas-softball u l-baseball. “Kull darba li kellna bżonn iżjed ħin għat-training, spiċċajna nittallbu, mingħajr ċertezza jew stabbiltà.”
F’Ottubru tal-2024, l-Assoċjazzjoni skopriet li r-Rugby Union bdiet tagħmel ftehimiet sabiex tieħu l-unika pitch tal-baseball f’Malta fejn ma bdietx talloka ħin għall-Assoċjazzjoni tal-baseball sabiex jagħmlu t-turnew tagħhom. “Wara numru ta’ attentati, ma lħaqna l-ebda kompromess bejn l-Assoċjazzjoni u l-ministeru responsabbli għall-isport. Mingħajr interventi, it-trasferiment tal-pitch tal-Marsa tal-Baseball u s-Softball se jwassal għall-eliminazzjoni ta’ dan l-isport f’Malta,” kitbu fuq Facebook.
Wara dan l-episodju, l-Assoċjazzjoni kienet imwiegħda parti minn art li tintuża għall-hockey u li kienet se tiġi żviluppata għalihom. Madankollu, wara sena ta’ laqgħat li ma waslu mkien, l-Assoċjazzjoni baqgħet mingħajr risposta formali. Bħala remedju, il-ministeru ta permess lill-Assoċjazzjoni sabiex tuża l-pitch ta’ Santa Venera, li f’Ottubru tal-2025 l-użu tiegħu sar esklużiv għall-użu tal-futbol.
Imbagħad, saret talba sabiex tiġi żviluppata l-art ta’ fejn il-pitch tal-futbol tal-klabb tas-Swieqi f’Pembroke fejn ġew mgħarrfa li din l-art ma setgħetx tiġi żviluppata.
Wara din it-talba inizjali, l-Assoċjazzjoni bdiet topera fuq biċċa art li kienet tal-Assoċjazzjoni tal-Hockey u l-Ministru Clifton Grima għarrafhom li huma lesti li jikkoperaw. It-trasferiment tal-art kien suġġett ta’ diskussjoni waqt il-kumitat parlamentari bid-diskussjoni ddur ma’ petizzjoni li ssottomettiet l-Assoċjazzjoni. Din tal-aħħar argumentat li t-trasferiment tal-art kien se jwassal għall-estinzjoni ta’ dan l-isport f’Malta imma l-Ministru Grima aċċertahom li dan mhux se jseħħ u qal li ntlaħaq ftehim li l-Assoċjazzjoni tista’ tibqa’ fil-pitch skont il-kundizzjonijiet diġà stipulati.
Il-kelliem qal li l-istess ministru qalilhom li l-gvern kien f’diskussjonijiet ma’ organizzazzjonijiet ta’ sports oħra li għandhom art żejda li tista’ tintuża għall-baseball u s-softball. Intervjena wkoll ix-Shadow Minister għall-Isports David Agius, li skont il-kelliem kien ta’ għajnuna fil-kruċjata tagħhom, fejn argumenta li ż-żewġ partijiet (Sport Malta u l-Union tar-Rugby) responsabbli mill-użu u l-allokazzjoni tal-pitch għandhom jiggarantixxu ħinijiet stipulati għall-Assoċjazzjoni fil-ftehim tat-trasferiment tal-art, xi ħaġa li saret wara ħafna diskussjonijiet.
Minħabba dawn il-limitazzjonijiet, huma kellhom jikru l-pitch tal-MCAST li tellgħet spiża ta’ iżjed minn €5,000 fis-sena għal sitt sigħat fil-ġimgħa, mingħajr is-sajf. Minbarra l-ispiża, hemm problemi ta’ infrastruttura wkoll fejn qed jużaw blalen tat-tennis u tal-isponża sabiex ma ssirx ħsara fuq il-post.
“Imbagħad il-kiri tal-kumpless tal-Marsa kollha, bis-sussidju tal-Gvern jitla’għal madwar €4,000. Huwa grazzi għal buonagrazia ta’ Frank Cachia, l-EksPresident ta’ Marsaxlokk FC, li nistgħu nużaw aktar il-fakultà tal-Marsa.” Hu spjega kif is-sigħat stipulati fil-kuntratt ma jirriflettux il-bżonnijiet tal-Assoċjazzjoni.
Hu qal li avolja bħalissa għaddejjin kif jistgħu, dan mhuwiex sostennibbli fit-tul u hemm bżonn ta’ allokazzjon ġusta tal-fakultajiet nazzjonali tal-isports.
