Riħ, frisk u xi ftit xita

Sistema ta’ pressjoni baxxa fuq il-Mediterran ċentrali mistennija ġġib riħ forza 5 sa 6, temperaturi aktar friski u xi ftit xita kultant

Ritratt: Uffiċċju Meteoroloġiku
Ritratt: Uffiċċju Meteoroloġiku

Qed tiżviluppa sistema ta’ pressjoni baxxa fuq il-Mediterran mistennija ġġib temp bir-riħ, temperaturi aktar kiesħa u xi xita iżolata lejn Malta fil-jiem li ġejjin.

Skont l-Uffiċċju Meteoroloġiku ta’ Malta bħalissa hemm front ta’ pressjoni baxxa li qed tinfirex mill-Mediterran tal-Lvant sa dak Ċentrali, b’depressjoni fil-pressjoni mistennija tifforma u tissaħħaħ fuq il-Golf ta’ Genva nhar l-Erbgħa. Is-sistema mbagħad mistennija tinfirex fuq il-Mediterran Ċentrali qabel timxi lejn il-Balkani.

Nhar l-Erbgħa, it-temperaturi huma mistennija jvarjaw bejn il-11°C u s-17°C, b’irjieħ mill-majjistral it-tramuntana  forza 5 li jissaħħu għal irjieħ mill-punent-majjistru forza 5 sa 6 aktar tard matul il-jum.

Il-kundizzjonijiet mistennija jibqgħu simili nhar il-Ħamis, b’temperaturi bejn l-10°C u t-18°C. Fil-bidu r-riħ ikun ġej mill-punent b’forza 4 sa 5, u jiżdied għal forza 6 sa 7 mill-punent-majjistru.

It-temperaturi mistennija huma dawk li s-soltu nistennew f’Marzu, li bħala medja jkunu madwar 17.4°C matul il-ġurnata u 10.9°C matul il-lejl.

Xi xita iżolata hija mbassra għall-Ġimgħa u s-Sibt, akkumpanjata minn kundizzjonijiet bir-riħ tul dawn il-ġranet.

Dax-xahar s’issa, ġew irreġistrati 32.2mm ta’ xita fl-Ajruport ta’ Ħal Luqa.

L-Uffiċċju Meteoroloġiku ħeġġeġ lill-pubbliku biex jiċċekkja s-sit uffiċjali tiegħu għal aġġornamenti, u nnota li t-tbassir jista’ jinbidel fil-jiem li ġejjin.

 

More in Kronaka