Aktar minn 2,000 persuna f’Malta qed jirċievu kura għall-Parkinson’s

​Il-Ministru għas-Saħħa Ian Borg jgħid li għaddejja ħidma biex jiżdiedu r-riżorsi umani u t-teknoloġija, filwaqt li nħarġet sejħa għal infermier speċjalizzat fil-kura tal-pazjenti bil-Parkinson’s

Aktar minn 2,000 persuna f’Malta huma rreġistrati li qed jirċievu kura għall-marda tal-Parkinson’s, kundizzjoni li tista’ tħalli impatt sostanzjali fuq il-ħajja ta’ kuljum tal-pazjenti u l-familji tagħhom.

Dan ħareġ waqt konferenza dwar l-avvanzi u l-isfidi fit-trattament tal-Parkinson’s, fejn id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Ian Borg tkellem dwar il-ħtieġa li jissaħħu s-servizzi ta’ appoġġ għal dawk li jgħixu b’din il-kundizzjoni.

Borg qal li l-Gvern qed jaħdem biex iżid ir-riżorsi umani u jintroduċi teknoloġiji moderni li jistgħu jgħinu biex jittaffew id-diffikultajiet li jiffaċċjaw il-pazjenti.

Huwa spjega li għal persuni bil-Parkinson’s, attivitajiet sempliċi bħal mixi jew ilbies jistgħu jsiru dejjem aktar diffiċli hekk kif il-kundizzjoni tavvanza.

Din ir-realtà, sostna, ma tolqotx biss lill-pazjenti, iżda wkoll lill-familji tagħhom, li ħafna drabi jkollhom ibiddlu r-rutina tagħhom biex jipprovdu l-kura u l-għajnuna meħtieġa.

Sejħa għal infermier speċjalizzat fil-Parkinson’s

Fost l-iżviluppi mħabbra, Borg semma li l-Ministeru għas-Saħħa ħareġ sejħa għall-kariga ta’ Practice Nurse in Neurology, b’responsabbiltà speċifika għall-kura tal-persuni bil-Parkinson’s.

L-infermier li jinħatar għal din il-kariga se jservi bħala punt ta’ kuntatt għall-pazjenti u l-familji tagħhom, filwaqt li jipprovdilhom gwida dwar it-trattament u l-isfidi li jistgħu jiltaqgħu magħhom fil-ħajja ta’ kuljum.

Il-kariga se tinkludi wkoll koordinazzjoni man-newrologi u ma’ professjonisti oħra tas-saħħa involuti fil-kura tal-pazjenti.

Skont il-Ministru, l-għan huwa li l-persuni li jgħixu bil-Parkinson’s ikollhom aċċess għal appoġġ kontinwu tul l-istadji differenti tal-marda.

Trattament speċjalizzat ilu jingħata f’Malta mill-2011

Borg irrefera wkoll għall-avvanzi li saru fit-trattament tal-Parkinson’s f’Malta matul dawn l-aħħar snin.

Huwa fakkar li fl-2011, bis-sehem tan-newrokirurgu Malti l-Professur Ludvic Zrinzo, fl-Isptar Mater Dei bdiet issir proċedura magħrufa bħala Deep Brain Stimulation.

Dan huwa trattament speċjalizzat li juża stimulazzjoni elettrika f’żoni speċifiċi tal-moħħ biex jgħin fil-kontroll ta’ ċerti sintomi tal-Parkinson’s.

Il-proċedura mhijiex adattata għall-pazjenti kollha, iżda dawk li jissodisfaw il-kriterji mediċi jistgħu jirċievu dan it-trattament f’Malta stess.

Diskussjonijiet dwar mediċini u trattamenti ġodda

Il-konferenza, bl-isem Advances and Challenges in Parkinson’s Disease, ġiet organizzata mill-Malta Association for Neurologists and Neurosurgeons (MANNS).

Għaliha attendew professjonisti tas-saħħa minn Malta u minn barra, flimkien ma’ pazjenti u rappreżentanti ta’ għaqdiet li jaħdmu fil-qasam.

Id-diskussjonijiet iffukaw fuq l-avvanzi fit-trattament tal-Parkinson’s, ir-riċerka dwar il-ġenetika tal-kundizzjoni fil-popolazzjoni Maltija u l-esperjenzi tal-pazjenti.

Il-President tal-MANNS u konsulenta tan-newroloġija, Dr Nicola Dingli, saħqet fuq l-importanza li l-professjonisti tas-saħħa jkomplu jaqsmu l-għarfien u l-esperjenzi tagħhom sabiex titjieb il-kura.

Hija qalet li s-settur qed iħares ’il quddiem lejn aktar żviluppi, fosthom mediċini ġodda li jistgħu jsiru disponibbli għall-pazjenti.

Min-naħa tiegħu, Borg irringrazzja lill-professjonisti u lill-għaqdiet li jaħdmu mal-persuni bil-Parkinson’s, filwaqt li tenna l-impenn tal-Ministeru li jkompli jsaħħaħ is-servizzi ta’ kura u appoġġ.

More in Kronaka