Il-Gvern qed jaħdem fuq programm nazzjonali ta’ screening għad-dijabete

Il-Ministeru għas-Saħħa jikkonferma mal-ILLUM li qed jaħdem biex jintroduċi programm ta’ screening, wara t-tħassib dwar dijanjosi tardivi. Madankollu, għadu ma ngħatax żmien għal meta se jibda jitħaddem. 

Il-Ministeru għas-Saħħa kkonferma mal-gazzetta ILLUM li qed jaħdem fuq l-introduzzjoni ta’ programm nazzjonali ta’ screening għad-dijabete, wara li tqajjem tħassib dwar in-nuqqas ta’ sistema ta’ detezzjoni bikrija tal-kundizzjoni f’Malta. 

Bi tweġiba għall-mistoqsijiet mibgħuta minn din il-gazzetta, il-Ministeru qal li l-Ministru għas-Saħħa Ian Borg jixtieq jaħdem mal-Assoċjazzjoni Maltija tad-Dijabete fit-tfassil tal-programm. 

“Il-Ministeru għas-Saħħa qed jaħdem fuq l-introduzzjoni ta’ programm nazzjonali ta’ screening għad-dijabete. Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Dr Ian Borg, iħares ’il quddiem biex jaħdem mal-Assoċjazzjoni Maltija tad-Dijabete fuq it-tfassil ta’ dan il-programm,” qal il-Ministeru. 

Madankollu, fit-tweġiba tiegħu, il-Ministeru ma indikax meta huwa mistenni li jibda jitħaddem dan il-programm, u lanqas ma ta dettalji dwar kif se jkun organizzat jew min se jkun eleġibbli għalih. 

Tħassib wara każijiet ta’ dijanjosi tardiva 

Il-konferma tal-Ministeru tasal wara li, waqt konferenza organizzata mill-Assoċjazzjoni Maltija tad-Dijabete fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tad-Dijabete, diversi persuni qajmu tħassib dwar in-nuqqas ta’ programm nazzjonali ta’ screening. 

Waqt il-konferenza, ommijiet irrakkontaw kif kienu ħadu lil uliedhom għand it-tobba diversi drabi qabel ma eventwalment instab li kellhom id-dijabete. 

Skont ix-xhieda tagħhom, minkejja ż-żjarat ripetuti, ma kienx intalab test biex jiġi vverifikat il-livell taz-zokkor fid-demm. 

Dawn l-esperjenzi qajmu mistoqsijiet dwar l-importanza li s-sintomi tad-dijabete jiġu rikonoxxuti fil-ħin, partikolarment fil-kura primarja u fost it-tobba tal-familja. 

Kif kienet irrappurtat din il-gazzetta fl-14 ta’ Novembru, il-konferenza xeħtet dawl fuq il-konsegwenzi li jista’ jkollha dijanjosi tardiva, kif ukoll fuq il-ħtieġa ta’ aktar prevenzjoni u monitoraġġ tal-kundizzjoni. 

Ebda dettalji dwar ir-reġistru nazzjonali tad-dijabete 

Minbarra l-programm ta’ screening, din il-gazzetta staqsiet lill-Ministeru wkoll dwar il-progress fit-twaqqif ta’ reġistru nazzjonali tad-dijabete. 

Din il-ħtieġa kienet tqajmet waqt l-istess konferenza, fejn ġie enfasizzat li reġistru operattiv jista’ jgħin lill-awtoritajiet ikollhom stampa aktar ċara tan-numru ta’ persuni li jgħixu bid-dijabete f’Malta. 

Reġistru bħal dan jista’ jkun utli wkoll fl-ippjanar tas-servizzi tas-saħħa, fil-monitoraġġ tal-kundizzjoni u fl-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet tal-pazjenti. 

Madankollu, il-Ministeru ma weġibx il-mistoqsijiet tal-gazzetta dwar fiex wasal il-proċess għat-twaqqif tar-reġistru, jew jekk hemmx data prevista għal meta dan ikun operattiv. 

Ma ngħatawx dettalji lanqas dwar jekk hux qed jiġu ppjanati miżuri speċifiċi biex jissaħħaħ l-għarfien fost it-tobba tal-familja dwar is-sintomi u d-detezzjoni bikrija tad-dijabete. 

Il-prevenzjoni u d-detezzjoni bikrija fuq quddiem tad-diskussjoni 

Il-ħtieġa ta’ intervent fil-ħin kienet fost il-messaġġi ewlenin li ħarġu mill-konferenza tal-Assoċjazzjoni Maltija tad-Dijabete. 

Fost dawk li qasmu l-esperjenzi tagħhom kien hemm Herbert Camenzuli, li ilu 37 sena jgħix bid-dijabete tat-tip 2. 

Huwa rrakkonta kif bejn l-2011 u l-2026 iddaħħal l-isptar 15-il darba u kellu jgħaddi minn operazzjoni f’siequ wara li żviluppalu infezzjoni serja. 

L-esperjenza tiegħu kienet waħda minn diversi testimonjanzi li enfasizzaw l-importanza ta’ monitoraġġ kontinwu u intervent mediku fil-ħin. 

Matul il-konferenza, professjonisti tas-saħħa tkellmu wkoll dwar fatturi li jistgħu jżidu r-riskju tad-dijabete, fosthom l-istorja medika tal-familja, l-obeżità u l-età. 

Il-konferma li l-Gvern qed jaħdem fuq programm nazzjonali ta’ screening tirrappreżenta żvilupp fil-kwistjoni mqajma mill-Assoċjazzjoni Maltija tad-Dijabete. 

Madankollu, għad irid jiġi ċċarat meta dan il-programm se jibda jitħaddem, kif se jkun implimentat u x’passi qed jittieħdu dwar ir-reġistru nazzjonali. 

 

More in Kronaka