Ħames persuni fi ħdan il-Partit Nazzjonalista qed jikkunsidraw bis-serjetà li jikkontestaw l-elezzjonijiet għall-karigi ta’ żewġ viċi kapijiet tal-partit, f’pass li mistenni jġib miegħu aktar taħwid politiku intern għall-kap Alex Borg.
Sorsi fi ħdan il-PN qalu lil din il-gazzetta li Adrian Delia u Rebekah Borg qed jevalwaw il-possibbiltà li jidħlu fit-tiġrija għall-kariga ta’ Viċi Kap għall-Affarijiet tal-Parlament. Min-naħa l-oħra, Mark Anthony Sammut, Darren Carabott u l-Viċi Kap attwali Alex Perici Calascione qed jikkunsidraw li jikkontestaw għall-kariga ta’ Viċi Kap għall-Affarijiet tal-Partit.
Minkejja li Rebekah Borg għandha appoġġ konsiderevoli fi ħdan il-partit, wara li ġiet eletta mal-ewwel għadd f’żewġ distretti, dil-gazzetta infurmata li aktarx tagħżel li ma tikkontestax kontra Delia.
Skont dawn is-sorsi, Borg għandha rispett kbir għal Delia u ma tridx tkun hi li toħloq ostakli għall-kandidatura tiegħu. Barra minn hekk, hemm it-tħassib li jekk tidħol fit-tiġrija u titlef, tispiċċa umiljata politikament, speċjalment fid-dawl tas-saħħa elettorali li Delia għadu jgawdi fi ħdan il-partit.
Madankollu, fiċ-ċirku ta’ Alex Borg hemm tħassib dwar l-aħbarijiet reċenti li ħarġu dwar ir-relazzjoni ta’ Delia mal-eks sieħba tiegħu. Sorsi qalu li hemm il-biża’ li dawn ir-rivelazzjonijiet jistgħu jerġgħu jitfaċċaw u jispiċċaw ikollhom riperkussjonijiet mhux biss fuq Delia nnifsu, iżda anke fuq il-partit.
Min-naħa l-oħra, hemm min fiċ-ċirku tal-kap jemmen li l-elezzjoni ta’ Delia tista’ toffri opportunità biex il-portafoll tal-finanzi, li bħalissa jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tiegħu, jingħata lil persuna oħra li tista’ tmexxih b’mod aktar effettiv.
Dwar il-kariga l-oħra, Alex Borg għadu ma ddikjara l-appoġġ tiegħu għal ebda kandidat. Madankollu, jidher li ċ-ċirku ta’ madwaru jippreferi li Carabott jirbaħ it-tiġrija kontra Sammut u Calascione. Huma jqisuh bħala l-aħjar għażla mit-tlieta.
Il-ħolqien ta’ żewġ karigi ta’ viċi kap kien wegħda li Alex Borg għamel meta ħa t-tmexxija tal-partit, u issa jidher determinat li jwettaqha. Iżda, skont l-istess sorsi, dak li suppost kellu jkun pass biex isaħħaħ l-istruttura tal-partit u jqassam aħjar ir-responsabbiltajiet, spiċċa ħoloq aktar kumplikazzjonijiet għal Borg innifsu.
Il-kap jidher determinat li jżomm kelmtu, iżda l-għażla tal-persuni li se jokkupaw iż-żewġ karigi tista’ tkun waħda mill-ewwel testijiet politiċi serji tiegħu minn mindu ħa t-tmexxija tal-PN.