Minkejja l-wegħdi l-baseball u s-softball jibqgħu bla faċilitajiet
Uffiċjali tal-baseball u s-softball li tkellmu mal-ġurnalist tal-MaltaToday Karl Azzopardi esprimew tħassib dwar diffikultajiet li għandhom biex jużaw faċilitajiet sportivi tajbin għall-istports tagħhom. Dan fid-dawl tal-aħbar li art fil-Marsa se tingħata għal darboħra lill-futbol, billi jinbena stadium biex jintuża mill-Malta Premier League.
Fid-dawl li aktar art fiż-żona li tintuża għall-isports fil-Marsa se tingħata għall-użu tal-futbol, speċifikament biex jinbena stadium għall-Malta Premier League, uffiċċjali u sportivi ta’ sports ieħor, tkellmu mal-MaltaToday dwar kif huma jħossu li qed jitħallew għal riħhom, b’diffikultajiet kbar biex jsibu faċilitajiet adegwati biex jipprattikaw l-isport tagħhom.
Sorsi midħla tal-baseball u tas-softball qalu li l-assoċjazzjoni ffaċċjat sfidi kbar matul is-snin, inkluż it-telf ta’ faċilità li kienu jużaw iżda li wara xi żmien ġiet allokata esklussivament għar-rugby. Il-baseball u s-softball irnexxielhom jiksbu biss l-użu tal-faċilità għal ħin limitat ħafna.
Is-sorsi qalu li għalkemm twegħdet biċċa art oħra mill-gvern, sempliċiment laqgħa biex tiġi diskussa l-proposta ħadet aktar minn sena biex isseħħ. Sadanittant għadhom bla risposta dwar il-proposta.
Postijiet oħra li kineu jintużaw mill-assoċjazzjoni, bħall-ground ta’ Santa Venera ukoll ġew meħuda għall-użu esklussiv tal-futbol. B’riżultat ta’ dan, il-klabbs kellhom ifittxu arranġamenti alternattivi, inkluż il-kiri ta’ faċilitajiet fl-MCAST għal sitt sigħat fil-ġimgħa. Minħabba limitazzjonijiet fl-infrastruttura, l-plejers huma ristretti li jużaw blalen tat-tennis u blalen tal-isponża waqt is-sessjonijiet ta’ taħriġ biex jevitaw ħsara lill-grawnds. Diskussjonijiet dwar ground f’Kordin mietu fuq ommhom.
Minkejja dawn ir-restrizzjonijiet kollha l-parteċipazzjoni fl-isport qed tikber, u dan jagħmel il-bżonn għal bażi permanenti aktar urġenti.
“Dak li jonqosna mhuwiex impenn, struttura jew ambizzjoni fl-isports tagħna, iżda spazju li nistgħu nsejħulu tagħna,” qalu s-sorsi, u żiedu li faċilità dedikata tippermetti lill-klabbs joperaw b’mod sostenibbli u tappoġġja l-iżvilupp fit-tul tal-isport.
