Id-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne spjega li l-kwistjoni ta' mediċini out of stock hija kriżi globali minħabba l-pandemija u mhux kawża ta' baġit iżgħar fix-xiri tal-mediċina li titqassam b'xejn lill-poplu. Fil-fatt qal li fl-2012 "il-baġit għax-xiri tal-mediċina kien ta' €64 miljun filwaqt li għall-2023 il-baġit se jkun ta' €230. Għaldaqstant nerġa' ntenni li din hija problema internazzjonali u mhux minħabba inqas xiri minħabba baġit. Apparti minn hekk 80% tal-ingredjenti li jintużaw għalihom, li jiġu miċ-Ċina u mill-Indja, ukoll mhux ilaħħqu mad-domanda preżenti biex jiġu esportati."
Fearne waqt konferenza tal-aħbarjiet - li matulha ħabbar li se tibda tingħata t-tilqima tal-HPV lis-subien ta' 12-il sena - spjega li minħabba l-miżuri protettivi li kienu qed jieħdu l-pajjiżi u l-individwi madwar id-dinja biex inaqqsu l-imxija tal-Covid-19 il-mard ġenerali naqas u għaldaqstant id-domanda għal ċertu mediċina, fosthom l-antibijotiċi, kienet ferm inqas minn dik normali. Minkejja dan, issa li l-miżuri protettivi tneħħew ir-rata ta' mard reġgħet telgħet għal-livelli ta' qabel. Għaldaqstant kompla jispjega li dawk li jimmanifatturaw għadhom qed ilaħħqu mad-domanda ta' qabel filwaqt li qed jantiċipa li l-problema tibqa' tippersisti fix-xhur li ġejjin.
Minkejja dan, huwa sostna li "l-Gvern ħa numru ta' passi proattivi. Fil-fatt illum stess fl-ispiżeriji Maltin hemm antibijotiċi u syrups li fl-Ewropa hemm skarsezza tagħhom." Apparti minn hekk huwa saħaq li l-mediċina f'pajjiżna tiġi importata minn żewġ setturi: dak tal-Gvern u dak tal-privat. "Anke jekk il-Gvern mhux responsabbli mill-importazzjoni tal-mediċina mis-settur privat, xorta jinteressah u qed nieħdu passi proattivi," kompla Fearne.
Intant huwa saħaq li l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO) qiegħda twettaq ħidma biex tifforma kumitat ta' konsulenti biex tagħti l-pariri lil pajjiżi li qed jaffaċċjaw din il-problema, "u jien għandi l-unur li ġejt imsejjaħ biex nifforma parti minnu."