Parental Leave: ‘Paga ta' €21.85 kuljum mhux biżżejjed! L-ispejjeż għolew u dan mhux ħlas realistiku’

Moviment Graffitti jitlob għal flessibilità u titjib fil-miżuri tal-Bilanċ bejn il-Ħajja u x-Xogħol

Fl-ewwel jum li fih il-Parlament fetaħ il-bibien, Moviment Graffitti, sejjaħ għall-tibdil fil-liġi tal-Bilanċ bejn ix-Xogħol u l-Ħajja, frott tad-Direttiva Ewropea li daħlet fis-seħħ f’Awwissu, 2022. Fost il-bidliet, Graffitti talab għal remunerazzjoni aħjar tal-leave tal-ġenituri (parental leave), jiġifieri li l-ġenituri jitħallsu paga sħiħa biex jgħixu komdi, fid-dawl taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija, gass u ikel li qed taffaċċja d-dinja kif ukoll Malta. 

Dirett minn quddiem il-Kamra tar-Rappreżentanti, Graffitti saħaq li l-ġenituri bħalissa jieħdu xahrejn leave tal-ġenituri iżda imħallas bl-istess rata ta’ sick leave, jiġifieri ta’ €21.85 kuljum. “Li wieħed jistenna li l-ġenituri jibqgħu jgħixu b’din il-paga meta l-ispejjeż tal-familja jogħlew u maż-żieda attwali tal-għoli tal-ħajja mhuwiex realistiku. Din ir-rata trid titjieb drastikament.” 

X’talab aktar Moviment Graffitti? 

  • Remunerazzjoni għall-Carers’ Leave: Bħalissa, il-carers jieħdu ħamest 'ijiem ta’ caring leave mhux imħallas kull sena. Graffitti jemmen li dan il-leave għandu jkun imħallas kollu dan speċjalment fid-dawl li mhux kulħadd jaffordja li jieħu dan il-leave, biż-żieda attwali fl-għoli tal-ħajja. 
  • Leave tal-ġenitur itwal: Attwalment il-missirijiet għandhom aċċess għal 10 ‘ijiem leave ta’ paternità imħallas. Dawn apparti x-xahrejn leave tal-ġenituri u xahrejn mhux imħallsa ta’ leave tal-ġenituri li jinqasam mal-ġenitur l-ieħor. Graffitti jiħsaq li peress li fil-maġġoranza tal-każi l-leave tal-ġenitur jittieħed mill-omm, hemm bżonn li jingħata aktar leave b’paga sħiħa, “biex verament ninkoraġixxu u nħallu lill-ġenituri jaqsmu r-responsabbiltajiet tal-ħarsien tal-ulied.” 
  • Leave tal-ġenitur aktar flessibbli: Leave b’paga sħiħa, jista’ jittieħed biss wara t-twelid jew l-adozzjoni tal-wild. Apparti minn hekk dan jista’ jittieħed biss b’mod imqassam sakemm it-tifel/tifla jagħlqu tmien snin. Graffitti titlob li din titneħħa u li l-ġenituri jitħallew, jekk jixtiequ, li jagħmlu użu minn dan il-leave f’daqqa. 

“Kull twelid, addozzjoni u familja huma differenti, għalhekk il-flessibilità dwar meta jittieħed il-leave tal-paternità u l-ġenituri hija importanti,” qal Graffitti. 

  • Linji gwida aħjar għall-arranġamenti ta’ xogħol flessibli, estensjoni għal kulħadd: Graffitti jinsisti li l-ġenitur għandu d-dritt li jitlob għal xogħol flessibbli. Hawn jistaqsi, “x’jiġri jekk min iħaddem jirrifjuta li joffri flessibilità? Min se jiddeċiedi jekk it-talba hijiex ġusta jew le? Għaliex hi ristretta biss għal ġenituri ta’ tfal li għadhom tmien snin?” 

Intant l-organizzazzjonijiet bagħtu ittra lid-Deputat Dr Andy Ellul f’Awwissu, fejn esprimew it-tħassib tagħhom dwar il-liġi. Fit-tweġiba tiegħu, Ellul ma qabilx mal-punti kollha mqajma iżda qal li l-Gvern beħsiebu jibni fuq miżuri bħal dawn biex itejjeb il-kwalità tal-ħajja. L-organizzazzjonijiet qed jitolbu li jpoġġi l-kliem f’azzjoni mill-iktar fis possibbli. “Il-familji tagħna jixirqilhom aħjar,” temmet tgħid l-NGO Moviment Graffitti. 

Din l-attività ġiet organizzata mill-Moviment Graffitti u appoġġjata minn Aditus, Malta Women’s Lobby, Maltese Daddy father’s lobby, MGRM, National Parents Society of Persons with Disability (NPSPD), Women’s Right Foundation.

Aqra aktar dwar il-miżuri li daħlu fis-seħħ f'Awwissu: Hawnhekk.

Aqra aktar dwar ir-reazzjoni għal dawn il-miżuri: Hawnhekk

More in Socjali