Ittri ta' twissija fuq ir-riħa ta' ħaxixa

L-Awtorità għall-Użu Responsabbli tal-Kannabis bdiet tibgħat lill-residenti ittra twissihom biex ma jfixklux waqt li jpejpu, minkejja li ma għandhiex ċertezzi li l-ilmenti huma validi

L-Awtorità għall-Użu Responsabbli tal-Kannabis bdiet tibgħat ittri lir-residenti biex twissihom kontra li jikkawżaw inkonvenjent meta jpejpu, minkejja li ma jkollhiex konferma li l-ilmenti huma validi.

"L-Awtorità rċeviet ilment li riħa ta’ kannabis li ġejja mill-proprjetà tiegħek qed tikkawża inkonvenjent lill-ġirien. F'dan l-istadju, l-Awtorità mhix qed tassumi li l-ilment huwa validu," tgħid ittra li ttellgħet minn Releaf u li hija ffirmata mill-president tal-awtorità Joey Reno Vella.

F’Mejju li għadda, il-Parlament approva emendi fil-liġi tal-kannabis li introduċew multa ta’ €235 għal dawk li jikkawżaw inkonvenjent lil terzi persuni minħabba r-riħa tal-kannabis.

L-emenda legali ġabet magħha kritika qawwija minn bosta, fosthom il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà li qal li l-liġi kienet prattikament impossibbli biex tiġi infurzata.

"L-Awtorità għall-Użu Responsabbli tal-Kannabis tippromwovi prattiki responsabbli u tipprovdi gwida dwar kif wieħed jista’ jirrispetta d-drittijiet tal-ġirien," tgħid l-ittra.

Releaf ikkundannat l-ittra, u qalet li hija illegali u toħloq stigma madwar l-użu tal-kannabis.

L-ittra tistieden lill-persuna li tirċeviha sabiex tikkuntattja lill-Awtorità sabiex is-sitwazzjoni tiġi diskussa b’mod “kostruttiv” u jinstabu soluzzjonijiet.

*Ħalluna waħedna fil-privatezza ta’ djarna," qalet l-għaqda.

L-użu tal-kannabis għal skopijiet rikreattivi ilu legali mill-2021. Madankollu, għadu illegali li jintuża fi spazji pubbliċi — il-persuni jistgħu jużawh biss fil-privatezza tad-dar tagħhom.

Dak li introduċiet l-emenda l-ġdida hu li tibda timmira lejn individwi li jpejpu kannabis ġewwa d-dar tagħhom u li jkun hemm ġirien li jitħassbu mir-riħa.

More in Socjali