Kważi kull dar tal-anzjani toffri kura paljattiva b'mod professjonali

416-il infermier imħarrġa biex joffru l-kura paljattiva fid-djar tal-anzjani

(Ritratt: DOI)
(Ritratt: DOI)

Il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva, Jo Etienne Abela, u s-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva, Malcolm Paul Agius Galea iħabbru li kważi kull dar residenzjali tal-anzjani f'Malta joffru kura paljattiva b’mod professjonali, hekk kif twettaq taħriġ speċjalizzat għal 416-il infermier f’dawn id-djar.

Din l-inizjattiva qed tiġi implimentata fid-djar residenzjali tal-Gvern kif ukoll f’dawk il-faċilitajiet fejn il-Gvern jixtri sodod. L-iskop hu li pazjenti li jsofru minn kundizzjonijiet serji bħal kanċer, 'Motor Neurone Disease', dimensja, puplesija, u mard respiratorju jew tal-qalb, jistgħu jirċievu l-kura kollha meħtieġa fid-dar stess, mingħajr ma jkollhom bżonn jiġu trasferiti l-isptar.

Il-kura tinkludi trattament biex jiġu kkontrollati sintomi bħal uġigħ, qtugħ ta’ nifs, dardir, aġitazzjoni, dipressjoni u aktar. Il-ħidma ssir minn tim multidixxiplinari li jinkludi tobba, ġerjatri, infermiera, carers, psikoterapisti, practice nurses, ħaddiema soċjali u direttur spiritwali.

Il-Ministru qal li dan il-proġett ilu għaddej aktar minn sentejn u juri l-ħidma u l-impenn tal-Gvern biex itejjeb il-kura paljattiva fid-djar residenzjali tal-Gvern. “Dan huwa kunċett ħolistiku li huwa wkoll marbut mal-Istrateġija Nazzjonali għall-Kura Paljattiva li ġiet imnedija fl-aħħar ġimgħat. Kommessi li nkomplu ninvestu u ntejbu s-servizzi f’dan il-qasam favur il-pazjenti Għawdxin u Maltin”, qal Abela.

Bħala parti mill-proċess, ġew żviluppati protokolli u proċeduri, kif ukoll tqassam pakkett b’tagħmir mediku speċifiku għal kull dar, flimkien ma’ taħriġ prattiku għall-ħaddiema. Mill-bidu tal-proġett s'issa, mijiet ta' pazjenti bbenefikaw minn servizzi b’rabta mal-istess inizjattiva.

More in Socjali