'Liġi dgħajfa;' Disa' għaqdiet jitolbu lill-Gvern isaħħaħ il-liġi dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja

L-għaqdiet isemmu n-nuqqasijiet tal-liġi u jagħti ħames proposti filwaqt li jisħqu li dan kollu jindika li  l-miżuri li ġew implimentati m’huma xejn ħlief “eżerċizzju ta’ ‘tick box’” biex Malta tikkonforma mar-rekwiżiti tad-Direttiva Ewropea

Disa’ għaqdiet li jaħdmu favur id-drittijiet tal-ġenituri, id-drittijiet tal-ħaddiema u l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa kitbu lis-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali, Andy Ellul, biex iniedi konsultazzjoni akbar dwar id-Direttiva Ewropea dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata bil-għan li l-liġi li ddaħħlet f’Malta tittejjeb.

Ellul kien responabbli għat-traspożizzjoni tad-Direttiva Ewropea dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata. L-għaqdiet irreferew għal-liġi kif iddaħħlet f’Malta bħala waħda “dgħajfa.”

Fost dawn l-għaqdiet qalu li t-traspożizzjoni tad-Direttiva mhux se tkun qed tilħaq l-għan tagħha, jiġifieri li l-ħaddiema Maltin jgħaqqdu b’suċċess ix-xogħol mar-responsabbiltajiet tal-familja u l-kura.

Huma insistew li l-liġijiet il-ġodda jipprovdu biss il-minimu meħtieġ mid-Direttiva tal-UE. 

“Għaliex il-Gvern Malti mhux qed jagħti viżjoni ambizzjuża li tispira u li tassew ittejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-ħaddiema u tħalli impatt pożittiv fuq is-soċjetà Maltija?”, staqsew l-għaqdiet. 

Ilmentaw dwar il-fatt li l-konsultazzjoni saret wara bibien magħluqa għal tliet snin sħaħ mingħajr ma ġew ikkonsultati l-għaqdiet u l-akkademiċi rilevanti.

“Il-liġi tista' tittejjeb bil-kbir biex jissaħħaħ il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata tal-ħaddiema. It-traspożizzjoni attwali tal-liġi qed tiddiżappunta lis-soċjetà Maltija; dawk il-ħaddiema li huma ġenituri u/jew għandhom responsabbiltajiet ta’ kura, dawk li għandhom bżonn il-familja tagħhom biex tieħu ħsiebhom, ġenerazzjonijiet Maltin tal-ġejjieni u dawk li jridu jaraw ugwaljanza akbar bejn l-irġiel u n-nisa,” qalu l-għaqdiet.

Huma ppreżentaw ħames eżempji kif il-liġi tista’ tissaħħaħ. Fost dawn semmew l-għaxart ijiem ta’ paternita’ u staqsew għaliex dan il-leave jeħtieġ li jittieħed immedjatament wara t-twelid jew l-adozzjoni tal-wild. L-implimentazzjoni attwali, skont l-għaqdiet, tonqos milli tagħraf li l-familji kollha għandhom bżonnijiet differenti.

It-tieni element tal-liġi li skont il-gruppi jista' jittejjeb għandu x’jaqsam mal-leave tal-ġenituri. 

“Mill-erba’ xhur disponibbli, tnejn biss se jkunu mħallsa, u dan huwa bir-rata ta’ sick-pay ta’ €21.85 kuljum. Għaliex il-ġenituri se jitħallsu b’rata ta’ sick pay meta jkunu f’saħħithom u meta jkunu qed jipprovdu servizz lis-soċjetà bil-kura tagħhom? Jirrealizza l-Gvern li dawn il-flus mhux se jservu wisq f’perjodu meta l-ispejjeż tal-familja qed jogħlew f’daqqa, speċjalment biż-żieda riċenti fl-għoli tal-ħajja? Sakemm din ir-rata ma tiġix riveduta, ftit ġenituri se jkunu jaffordjaw li jieħdu dan il-leave,” qalu l-għaqdiet.  

Anke t-tielet punt jirrigwardja l-leave tal-ġenituri. Fakkru kif il-liġi tgħid li l-porzjon imħallas tal-leave tal-ġenituri ma jistax jintuża f’daqqa, iżda jista’ jintuża biss xahar sakemm il-wild ikollu erba’ snin. L-għaqdiet qed jitolbu flessibbiltà f’dan ir-rigward biex il-porzjon imħallas tal-leave tal-ġenituri jkun jista’ jittieħed skont il-bżonnijiet tal-familja.

“Jeħtieġ li tiġi indirizzata wkoll il-miżura tal-leave tal-carers, fejn il-ħaddiema li għandhom responsabbiltajiet ta' kura jistgħu jieħdu sa ħamest ijiem leave bla ħlas. Għal darb’oħra naraw lill-Gvern qed jieħu lil dawk il-ħaddiema li qed jagħtu servizzi ta’ kura for granted. Dan il-leave għandu jitħallas b'mod adegwat u ġust. Il-Gvern jeħtieġ li jieqaf ixerred il-mudell tal-karità,” kompliet l-istqarrija. 

Qalu li l-Gvern għandu jerġa’ jeżamina wkoll mill-ġdid il-miżura li tagħti d-dritt lill-ħaddiema li huma ġenituri ta’ tfal ta’ inqas minn tmien snin u lill-ħaddiema li għandhom responsabbiltajiet ta’ kura li jitolbu arranġamenti ta’ xogħol flessibbli.

Spjegaw kif din il-miżura ma tistabbilixxi l-ebda kriterji dwar liema talbiet għandhom jiġu sodisfatti.

“Barra minn hekk, il-fatt li l-miżura hija applikabbli biss għall-ġenituri u dawk b’responsabbiltajiet ta’ kura, jerġa’ juri li l-Gvern ma jafx ir-realtaijiet tal-ħajja tas-soċjetà tal-lum. Id-dritt li jintalbu arranġamenti ta' xogħol flessibbli għandu jkun disponibbli għal kulħadd.”
L-għaqdiet temmew jgħidu li s-suġġerimenti kollha ta’ hawn fuq jindikaw b’mod ċar li l-miżuri li ġew implimentati m’huma xejn ħlief “eżerċizzju ta’ ‘tick box’” biex Malta tikkonforma mar-rekwiżiti tad-Direttiva. 

“L-għaqdiet qed jagħmlu talba lill-Gvern biex isaħħaħ u jtejjeb il-liġi attwali biex jinbena futur aħjar għas-soċjetà Maltija. L-għaqdiet jagħmluha ċara wkoll li qed jistennew risposta mill-Onor. Dr Andy Ellul biex jispjega lilhom u lill-popolazzjoni Maltija x’passi se jittieħdu biex titjieb il-liġi attwali dwar id-Direttiva tax-xogħol u l-ħajja,” temmet tgħid l-istqarrija.

L-għaqdiet li ffirmaw din it-talba huma: Moviment Graffitti, aditus foundation, Alleanza Kontra l-Faqar, Integra Foundation, Malta Women’s Lobby, MGRM - Malta LGBTIQ Rights Movement, NPSPD - National Parents’ Society for Persons with Disability, Women’s Rights Foundation u ADHD Malta

More in Politika