'Għejejt inżomm iċ-ċwievet f'idi bil-lejl ... Xbajt għax indunajt li għalxejn inċempel lill-pulizija'
Jinġabru quddiem il-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fil-Furjana biex jesprimu r-rabja u l-frustrazzjoni tagħhom lejn is-soċjetà li hija responsabbli mill-kullana ta’ stupri u femiċidji li seħħew
minn Marianna Calleja
Grupp ta’ organizzazzjonijiet mill-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u tan-nisa nġabru quddiem il-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fil-Furjana biex jesprimu r-rabja u l-frustrazzjoni tagħhom lejn l-istqarrija tal-Pulizija li l-aħħar femiċidju li seħħ fil-gżejjer Maltin m’għandux għeruqu fil-ġeneru tal-persuna.
L-organizzazzjonijiet qalu li stqarrijiet bħal dawn, u preżentati minn tliet membri rġiel tal-Korp tal-Pulizija ta’ Malta, ikomplu juru n-nuqqas ta’ għarfien fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati mal-ġeneru u s-sesswalità, kif ukoll il-vjolenza abbażi tal-ġeneru, li f’dan il-każ wasslet għall-istupru u l-qtil ta’ mara oħra. Din il-protesta saret ftit jiem wara l-attentat ta’ qtil ta’ mara oħra b’daqqiet ta’ arma bil-ponta f’darha ġewwa Ħaż-Żabbar.
Fid-dimostrazzjoni intqal li “l-istqarrija insensittiva u xejn infurmata tal-Pulizija pruvaw jiġġustifikawha bl-argument li qabel il-qtil ta’ Paulina Dembska, l-allegat tar-reat kien attakka żewġt irġiel iżda dan ma jfissirx li d-delitt mhuwiex marbut mal-ġeneru.”
L-organizzazjonijiet esprimew ukoll li dan il-femiċidju - fost lista sħiħa ta’ nisa maqtula mill-irġiel - jkompli jirrifletti kemm hi mifruxa l-kultura patrijarkali fis-soċjetà Maltija, “soċjetà msejsa fuq sterjotipi tal-ġeneru, sal-punt li din il-kultura tisfa dejjem normalizzata, banalizzata u miċħuda.”
Il-11-l organizzazjoni li inġabru quddiem il-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija għamlu wkoll ħames talbiet. It-talbiet tal-organizzazzjonijiet huma dawn:
1. L-awtoritajiet jeħtieġ li jerfgħu iktar responsabbiltà. Xbajna nisimgħu li hemm lok għal titjib, xbajna nisimgħu dwar il-fallimenti tas-sistema, it-tul tal-proċeduri fil-qorti, in-nuqqas ta’ protezzjoni effettiva u t-tolleranza ta’ mġiba u kummenti sessisti dwar in-nisa u l-bniet. Wasal iż-żmien li kulħadd jassumi r-responsabbiltà tiegħu u tagħha - mill-politiċi sal-awtoritajiet, il-komunità u kull membru tas-soċjetà tagħna, mhux l-inqas l-irġiel li jwettqu dawn ir-reati.
2. Għandha tittieħed azzjoni konkreta fl-oqsma kollha tas-soċjetà biex jiġu indirizzati l-isterjotipi, il-misoġinija u l-patrijarkat. Irridu nimxu lil hinn mir-retorika u l-mekkaniżmi legali. L-isterjotipi tal-ġeneru jeħtieġ li jiġu indirizzati fuq livelli differenti, b’mod partikolari fl-iskejjel u l-mezzi tax-xandir. Il-mexxejja tal-opinjoni pubblika, bħall-politiċi, il-mexxejja reliġjużi, il-ġurnalisti, l-edituri, l-għalliema, l-avukati, il-membri tal-ġudikatura u dawk li jfasslu l-politika, jeħtieġ li jirrikonoxxu r-responsabbiltà tagħhom fir-riproduzzjoni tal-isterjotipi tal-ġeneru u jeħduha bis-serjetà.
3. Meħtieġa r-reviżjoni tal-linji gwida dwar l-edukazzjoni sesswali u r-relazzjonijiet, iżda aktar minn hekk, irridu neżaminaw kif dawn qed jitwasslu fil-lezzjonijiet u l-impatt li qed ikollhom. L-edukazzjoni sesswali u relazzjonali għandha tibda kmieni u ddum aktar u għandu jkollha l-kunsens u l-ugwaljanza fil-qalba tagħha. Iż-żgħażagħ jgħixu f'ambjent mgħaġġel u b’impatt medjatiku għoli. Irridu għalhekk inkunu proattivi. Jeħtieġ li ngħaddulhom bażi tajba biex fuqha jagħrfu jibnu relazzjonijiet sħaħ, ugwali fejn jidħlu poter u ġeneru, u siguri. Irridu nagħrfu li l-vjolenza abbażi tal-ġeneru, in-nuqqas ta’ rispett u l-abbuż huma problemi ta’ bosta dimensjonijiet u li l-pilastri kollha tas-soċjetà tagħna jridu jiġbdu l-istess ħabel sabiex isseħħ il-bidla meħtieġa fil-konfront tagħhom. L-ewwel passi fid-direzzjoni t-tajba jitolbu r-rieda politika tal-awtoritajiet u l-impenn tagħhom favur ir-riforma.
4. Il-vittmi tal-fastidju sesswali, l-attakki sesswali u l-istupru jeħtieġ li jittieħdu b'aktar serjetà. Inutli li wieħed isostni li l-vittmi ma jirrapurtawx għand il-pulizija. Il-vittmi ser iħossuhom iktar komdi jirrapurtaw l-abbużi jekk fil-fatt jafdaw lill-pulizija u s-sistema ġudizzjarja u jekk jemmnu li se jittieħdu bis-serjetà mill-oqsma kollha tas-soċjetà, inkluż is-sistema tal-kura tas-saħħa u l-media.
5. Is-soċjetà trid tieqaf twaħħal fil-vittma. Irridu nagħrfu lill-vittmi bħala vittmi u ma npoġġux it-tort fuqhom talli kienu f’post partikolari, minħabba dak li kienu lebsin, talli ma rrapurtawx qabel u l-bqija. Huwa d-dmir tas-soċjetà li tħares lill-vittmi tal-vjolenza sesswali jew abbażi tal-ġeneru u li tiżgura li l-azzjonijiet ta’ min wettaq ir-reati jittieħdu bis-serjetà, kemm fil-proċeduri tal-qorti kif ukoll fis-sentenzi mogħtija.
L-organizzazzjonijiet parteċpi fid-dimostrazzjoni huma:
- Moviment Graffitti
- Women’s Rights Foundation
- Malta LGBT+ Rights Movement (MGRM)
- Young Progressive Beings
- Doctors for Choice Malta
- Integra Foundation
- aditus foundation
- YMCA Malta
- Men Against Violence
- Għajjejt u Xbajt
- The Malta Women’s Lobby
‘Is-soċjetà hija responsabbli mill-kullana ta’ stupri u femiċidji li seħħew f’pajjiżna’ - Angele Deguara, attivista tal-Moviment Graffitti
Angele Deguara, attivista tal-Moviment Graffitti, fetħet id-dimostrazzjoni billi tgħid li dawn l-organizzazzjonijiet li nġabru il-Furjana xebgħu jisimgħu u jaraw mhux biss vjolenza domestika u abbuż iżda anke affarijiet oħra.
Fosthom semmiet kif xebgħu jisimgħu “wegħdiet fiergħa” u dikjarazzjonijiet minn politiċi li n-nisa huma trattati indaqs fis-soċjeta tagħna. Xebgħu jismgħu wkoll membri tal-korp tal-pulizija jgħidu li n-nisa huma protetti. Fuq kollox xebgħu jisimgħu b’każi ta’ stupru li jirriflettu soċjetà li għadha patrijarkali u misoġinista bħal ma dejjem kienet
Min-naħa l-oħra hija tgħid li xebgħu jaraw dik li hi sejħet bħala injoranza. Hija enfasizzat li n-nuqqas ta’ informazzjoni jew injoranza dwar kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mas-sess u l-ġeneru u indifferenza qegħdin ikomplu jaffettwaw b’mod negattiv lin-nisa ta’ kull età, klassi soċjali, nazzjonalità, twemmin u kulur tal-ġilda.
“Is-soċjetà in ġenerali hija responsabbli mill-kullana ta’ stupri u femiċidji li seħħew f’pajjiżna għax mhux qed nieħdu din il-problema bis-serjetà,” qalet Deguara.
Filwaqt li elenkat it-talbiet, imsemmiha iktar kmieni f’dan l-artiklu, Angele Deguara b’passjoni insistiet li Moviment Graffitti flimkien mal-organizzazzjonijiet l-oħra “qegħdin insejħu għal azzjoni konkreta biex nattakkaw il-patrijarkat u l-misoġinija u l-isterjotipi li huma l-frott tiegħu.”
‘Ghajjejt u xbajt nghid li ‘ghajjejt u xbajt’! - Marceline Naudi, esperta tal-vjolenza domestika u lettriċi fil-qasam tal-ġeneru u s-sesswalita’ fl-Università tà Malta
L-esperta tal-vjolenza domestika, Marceline Naudi, fetħet id-diskors tagħha billi esprimiet diżżapunt kbir kif xebgħet tħoss rabja tiela għal dak li qiegħed iseħħ, tinġabar għal darba oħra għal protesti, dimostrazzjonijiet u viġilji biex fl-aħħar minn l-aħħar terġa’ tgħod “għajjejt u xbajt.”
Naudi tgħid li l-għan ta’ dan kollu dejjem kien il-prevenzjoni tal-vjolenza kontra l-mara. Iżda minkejja li “nissieltu, ngergru, nagħjtu, nitkellmu, niddiskutu u nisimghu, … hawn erġajna, wara traġedja oħra… għal darb’ohra nerġgħu ngħollu lehinna”
Dan għal Naudi jfisser li wasal il-punt fejn il-ħidma għandha ssir mod ieħor. Fil-fatt hija nsistit li wasal iż-żmien li “naħsmu iktar id f’id filwaqt li jfittxu r-rieda tajba.”
Marceline Naudi, li hija ukoll lettriċi fil-qasam tal-ġenery u s-sesswalità fl-Università ta’ Malta, temmet il-messaġġ tagħha billi tindirizza lill- awtoritajiet, lis-soċjetà u lill-NGOs sabiex ifittxu mod aħjar biex ma nerġgħux nsibu ruħna fejn qegħdin.”
'Għejejna u xbajna nisimgħu u naraw każijiet ta' qtil, vjolenza domestika, u abbuż sesswali fuq in-nisa' - Amanda Cossai - MGRM (Malta LGBTIQ Rights Movement)
Filwaqt li fakkret li madwar xahrejn ilu, uhud mill-istess għaqdiet kienu inġabbru sabiex ifakkru lin-nisa li ġew maqtula f’Malta, Amanada Cossai mill-MGRM saħqet li “llum l-emozzjonijiet jaħarqu xi ftit iktar; dwejjaq, rabja, frustrazzjoni, għaliex tlifna mara oħra.”
Fid-diskors tagħha hija sostniet li bħala għaqda xebgħu jisimgħu każijiet ta' qtil, vjolenza domestika, u abbuż sesswali fuq in-nisa. L-istess vjolenza u abbuż skont hi hu kawża tas-soċjeta misoġinista u patrijarkali li ngħixu fiha f’pajjiżna. Hija semmiet kif is-soċjetà għadha titfa’ r-responsabbilita fuq in-nisa biex nipproteġu lilna nfusna. Qalet ukoll li meta l-Qorti tħalli lill-irġiel bi storja ta' vjolenza barra, qed jgħaddu messaġġ ħażin.
“x'messaġġ qed tgħaddulna meta mara tirraporta fastidju sesswali u ma jinbidel xejn? Għal ħafna minna, sitwazzjonijiet bħal kummenti dwar l-apparenza, fastidju sesswali, u forsi anke stalking saru xi ħaġa normali. Jekk m'aħniex inwaqqfu lil dawk l-irġiel li jagħmlu dawn l-affarijiet, qegħdin niftħu l-bieb għal affarijiet iktar serji bħal vjolenza fiżika u stupru,” insistiet Coassai.
Għaldaqstant hija temmet id-diskors billi tgħid li għalkemm l-għaqdiet inġabbru quddiem il-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, is-settur tal-edukazzjoni wkoll għandu rwol importanti biex nipprevjenu iktar vjolenza u nnaqqsu l-misoġinija fis-soċjeta tagħna. Hawn fejn talbet għal riforma fl-edukazzjoni sesswali, li tibda b'mod adattat mil-livell tal-Primarja.
'Billi naqblu darba għal dejjem li l-femiċidju huwa fenomenu reali nkunu qed nagħtu viżibilità lil din il-problema' - ADPD
Il-Partit ADPD esprima solidarjetà mal-vittmi tal-fastidju, l-istupru, tal-vjolenza u tal-femiċidju u mal-familji tagħhom. Minkejja li membri tal-ADPD kienu preżenti fid-dimostrazzjoni li seħħet iktar kmieni dalgħodu, l-ADPD esprimew permezz ta' stqarrija ukoll is-sapport tal-Partit mal-organizazzjonijiet li qed jiġbdu l-attenzjoni tas-soċjetà Maltija għal dawn it-temi.
Fil-fatt iċ-Chairperson ta’ ADPD Carmel Cacopardo u d-Deputat Segretarju Ġenerali Sandra Gauci qalu illum li l-partit jesprimi solidarjetà mal-vittmi tal-fastidju, l-istupru, tal-vjolenza u tal-femiċidju u mal-familji tagħhom.
Min-naħa tagħha, Sandra Gauci qalet li skont hi femiċidju huwa qtil ta’ mara, propju għax hija mara u jibda minn vjolenza u anke stupru. Spjegat kif il-mibgħeda lejn dak kollu feminili u li jitqies bħala dgħajjef ġej minn kultura ta’ misoġenija.
"Lanqas f’Malta m’aħna ħielsa minn din it-tip ta’ kultura tossika. Il-qtil ta’ Paulina Dembska, huwa ieħor minn sensiela ta’ episodji ta’ vjolenza u qtil, li reġa tefa’ dawl fuq din il-problema,” temmet tgħid Gauci.