Kristiensen qal li kien ġie introdott lil Daniel Muka f’Lulju 2020 minn ħabib komuni. Muka kien qal li jaf dar fejn jgħixu żewġt irġiel li spiss jilbsu ġojjellerija tad-deheb u li hemm flus fil-post. Skont Jesper, dan wassal għall-ippjanar ta’ serqa flimkien ma’ Muka u Viktor, li wkoll ġie identifikat fil-qorti.
L-pjan kien li Muka kien se jdur il-post minn qabel, Daniel kien se jidħol fid-dar biex “jieħu kontroll tas-sitwazzjoni”, filwaqt li Jesper kien se jibqa’ barra u Viktor kien se jistenna fil-karozza.
Il-Lejla tad-Delitt
F’dik il-lejla fatali, it-tlieta marru fuq il-post f’Volkswagen bajda. Daniel kien qed isuq u qabel kollox, kien biddel il-pjanċi tal-karozza f’parkeġġ.
Jesper qal li baqa’ barra u ra lil Muka jersaq lejn l-entrata. “Rajtu jitkellem ma’ raġel... ftit wara smajt għajjat u mbagħad ‘pam pam pam pam’.”
Meta resaq lejn il-bieb, Jesper qal li fetaħlu Daniel. “Staqsejtu x’ġara u qalli, ‘Kelli nispara.’ Għedtlu, ‘X’int tagħmel? Dan mhux il-ftehim li kellna!’”
Skont ix-xhieda, Daniel mbagħad tela' t-taraġ ġewwa d-dar, ra lil xi ħadd u spara għal darb’oħra. Jesper qal li f’dak il-mument reġa’ niżel lejn il-karozza u qal lil Viktor: “Dan il-pjan mar ħażin ħafna. Mhux hekk konna ftehmna.”
Jesper għalkemm xhud ta’ sparaturi, flimkien ma' Viktob reġgħu marru sal-bieb id-dar. “Viktor staqsini, ‘X’int għid? Kien hemm sparaturi?"
Meta daħlu, Jesper ra raġel mal-art. “U smajt ħoss ta’ nifs batut ġej mill-persuna” qal Jesper.
Ftit wara, Daniel niżel b’ċineg tad-deheb u handbag kannella. “Qalilna, ‘kollox lest.’ Imma jien u Viktor għednilu, ‘ Dan mhux il-pjan. Aħna serqa kellna nagħmlu, mhux qtil.’”
It-tlieta telqu mill-post, reġgħu lura sal-parkeġġ fejn kienu bidlu l-pjanċi. Hemmhekk, Muka biddel il-ħwejjeġ u ħalla l-karozza hemm. Minn hemm, marru lejn l-Imsida, qabdu Bolt u reġgħu lura Sliema.
Jesper qal li marru għand Viktor fejn huwa nnifsu ħasel id-deheb misruq, filwaqt li Muka u Viktor kienu qed jitkellmu bejniethom. Hu mbagħad telaq lejn daru.