Il-kawża kostituzzjonali kienet tinkludi talba urġenti sabiex il-Qorti Kriminali tissospendi l-ġuri li beda fit-16 ta’ Ġunju 2025, fuq il-bażi li Muka ma kellux biżżejjed ħin biex iħejji d-difiża tiegħu, u li għalhekk inkiser id-dritt fundamentali tiegħu għal smigħ ġust.
Muka, flimkien ma’ Victor Dragomanski, qed jiffaċċja proċeduri kriminali serji b’rabta mal-qtil brutali ta’ Pandolfino u Maciejowski. Il-ġuri beda f’Ġunju 2025, wara snin ta’ dewmien u diffikultajiet relatati mar-rappreżentanza legali ta’ Muka.
Fis-17 ta’ Ġunju, l-avukat Mifsud ppreżenta kawża kostitizzjonali fejn sostna li kien impenjat biss ftit jiem qabel il-bidu tal-ġuri, u b’hekk dan ma kellux żmien biżżejjed biex iħejji l-każ b’mod adegwat.
Ir-Raġunament tal-Qorti
Fil-proċess kostituzzjonali, il-Qorti mmexxija mill-Imħallef Mizzi osservat li Muka kellu biżżejjed opportunitajiet tul ix-xhur u s-snin li għaddew biex jinnomina avukat ta’ għażla tiegħu. Fil-fatt, il-problemi mal-avukat preċedenti kienu diġà ġew solvuti sa mill-1 ta’ Marzu 2024, u hu kien preżenti wkoll meta ġiet iffissata d-data tal-ġuri f’April 2025.
Il-Qorti enfasizzat li l-fatt li Muka għażel li jirrifjuta l-għajnuna legali ma jagħtihx dritt li jissospendi l-proċeduri sakemm isib avukat privat, speċjalment meta kellu xhur sħaħ għad-dispożizzjoni tiegħu.
Barra minn hekk, il-Qorti nnutat li Muka ma ressaq l-ebda prova konkreta li kienet turi li ried, imma ma setax, isib avukat. Lanqas ġie ppreżentat affidavit jew evidenza oħra biex jikkonferma dak li qal.
Deċiżjoni Finali
Il-Qorti kkonkludiet li ma kien hemm l-ebda ksur prima facie tad-dritt fundamentali tiegħu għal smigħ xieraq, u għalhekk ċaħdet it-talba sabiex il-proċess kriminali jkun sospiż. Il-Qorti ordnat ukoll li Muka għandu jħallas l-ispejjeż tal-kawża.