Mara Ġermaniża ta’ 57 sena tinsab fil-periklu tal-mewr wara li ntlaqtet minn karozza waqt li kienet fiż-żona ta’ Xatt Pinto, il-Furjana, aktar kmieni llum waranofsinhar.
L-inċident seħħ għall-ħabta tas-1.15pm, meta l-Pulizija kienet infurmata dwar il-każ u marret minnufih fuq il-post. Minn investigazzjonijiet preliminari irriżulta li l-mara kienet intlaqtet minn vettura tat-tip Toyota Ractis, li kienet qed tinstaq minn raġel ta’ 52 sena residenti Ħaż-Żabbar.
Fuq il-post issejjaħ tim mediku, fejn l-ewwel għajnuna ngħatat lill-vittma, li mbagħad ittieħdet b’ambulanza lejn l-Isptar Mater Dei.
Fuq il-post issejjaħ ukoll il-Maġistrat tal-Għassa Dr. Antoine Agius Bonnici LL.D., li ħatar inkjesta biex tinvestiga ċ-ċirkostanzi tal-inċident. Il-Pulizija qed tkompli bl-investigazzjonijiet tagħha sabiex tistabbilixxi eżatt kif seħħ l-inċident.