Tifel ta’ sitt snin tilef ħajtu llum wara nofsinhar wara li nstab mitluf minn sensih f’pixxina privata fiż-żona tan-Naxxar. L-inċident seħħ għall-ħabta tal-ħamsa u nofs (17:30hrs) meta l-Pulizija rċeviet informazzjoni li kien hemm bżonn l-assistenza fi Triq San Ġwann.
Minn stħarriġ preliminari li sar mill-Pulizija rriżulta li t-tifel kien f’għelieqi fil-madwar flimkien ma’ xi familjari. Hekk kif beda jimxi madwar waħdu, huwa tbiegħed mill-kumplament tal-familja. Ladarba ndunaw li ma kienx ħdejhom il-familjari bdew ifittxuh u minnufih infurmaw lill-Pulizija.
Diversi sezzjonijiet tal-Korp tal-Pulizija ġew mobilizzati għat-tfittxija, inkluż l-użu ta’ drone li wassal biex it-tifel jidher f’pixxina f’residenza oħra fil-viċin, fejn instab mitluf minn sensih.
Uffiċjali tal-Pulizija taw l-ewwel għajnuna immedjatament, filwaqt li tim mediku wasal fuq il-post ftit wara biex jassisti. It-tifel ittieħed b’urġenza lejn l-Isptar Mater Dei permezz ta’ ambulanza, iżda minkejja l-isforzi tat-tobba, huwa miet ftit wara.
Il-Maġistrat tal-Għassa, Dr Joe Mifsud LL.D, ġie infurmat bil-każ u ħatar inkjesta biex tinvestiga ċ-ċirkustanzi kollha. Il-Pulizija qed tkompli bl-investigazzjonijiet.