Raġel jitlef ħajtu waqt li kien qed jgħum f’Ras ir-Reqqa, Għawdex

Raġel ta’ 34 sena tilef ħajtu wara li sab ruħu f’diffikultà waqt li kien qed jgħum f’Ras ir-Reqqa, limiti taż-Żebbuġ, Għawdex

 Illum għall-ħabta tat-tlieta ta’ waranofsinhar (1500hrs), raġel ta’ 34 sena tilef ħajtu waqt li kien qed jgħum.

Il-Pulizija ġew infurmati li kien hemm bżonn l-assistenza tagħhom f’din iż-żona kostali u marru immedjatament fuq il-post. Minn investigazzjonijiet preliminari rriżulta li r-raġel, residenti Għajnsielem, sab ruħu f’diffikultà waqt l-għawm.

Fuq il-post issejjaħ tim mediku li ta l-għajnuna meħtieġa u l-vittma ttieħed b’ambulanza lejn l-Isptar Ġenerali t’Għawdex. Minkejja l-isforzi kollha, ftit wara r-raġel ġie iċċertifikat mejjet.

Il-Maġistrat Dr Brigitte Sultana LL.D ġiet infurmata bil-każ u fetħet Inkjesta Maġisterjali biex jiġu ċċirkostanzjati l-fatti kollha. Intant, l-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin.

More in Qrati u Pulizija