Raġel iweġġa’ gravi f’inċident bejn mutur u karozza fix-Xewkija

Is-sewwieq li kien qed isuq KTM, kellu jittieħed l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex wara ħabta ma’ karozza misjuqa minn mara mix-Xagħra

Raġel ta’ 39 sena weġġa’ gravi f’inċident tat-traffiku li seħħ f’Xewkija, Għawdex, il-Ġimgħa wara nofsinhar.

Skont il-Pulizija, l-inċident seħħ għall-ħabta tal-5:30pm fi Triq l-Imġarr.

Mill-ewwel investigazzjonijiet irriżulta li l-vittma, li kien qed isuq mutur KTM, kien involut f’ħabta ma’ karozza Mazda CX-3 misjuqa minn mara ta’ 36 sena mix-Xagħra.

Tim mediku ġie msejjaħ fuq il-post tal-inċident, u r-raġel ittieħed l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, fejn aktar tard ġie ċċertifikat li weġġa’ gravi.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

More in Qrati u Pulizija