Erba’ kkundannati fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u Carmel Chircop

Wara ġuri li dam xahar u nofs, l-akkużati fil-każijiet tal-qtil brutali ta’ Daphne Caruana Galizia u Carmel Chircop instabu ħatja mill-ġurati. Il-verdett wasal wara madwar disa’ sigħat ta’ deliberazzjoni

Il-Qorti Kriminali, preseduta mill-Imħallef Edwina Grima, illum filgħaxija qrat il-verdett tant mistenni f’ġuri li kien wieħed mill-aktar importanti f’Malta fl-aħħar għexieren ta’ snin, dwar żewġ omiċidji separati iżda marbuta permezz tal-persuni mixlija.

George Degiorgio u Jamie Vella – Ħatja għall-Qtil ta’ Carmel Chircop

George Degiorgio u Jamie Vella ġew iddikjarati ħatja għall-qtil volontarju tal-avukat Carmel Chircop fl-2015. It-tnejn kienu wkoll misjuba ħatja ta’ pussess ta’ arma waqt il-kummissjoni ta’ delitt, kif ukoll li kienu qed iġorru arma mingħajr liċenzja.

Degiorgio reġa’ qajjem tensjoni fil-qorti hekk kif, b’vuċi għolja, beda jgħajjat: “Ngħidilkom minn fejn ħadt il-bomba. Għamiltu żball kbir!” Ma kienx ċar lil min kien qed jindirizza.

 

Adrian u Robert Agius – Sentenza mħallta dwar il-qtil ta’ Chircop

Adrian Agius, magħruf bħala “Tal-Maksar”, instab ħati bħala kompliċi fil-qtil ta’ Chircop b’verdett ta’ 7-2 mill-ġurati. Iżda ħuh, Robert Agius, ġie meħlus mill-istess akkuża bi vot ta’ 6-3.

Kompliċità fil-Qtil ta’ Daphne Caruana Galizia

Robert Agius u Jamie Vella ġew iddikjarati ħatja ta’ kompliċità fil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia fl-2017. It-tnejn ġew ukoll misjuba ħatja bħala kompliċi fl-isplużjoni li qatlet lil Caruana Galizia, kif ukoll għall-pussess ta’ splussivi perikolużi. Il-ġurati votaw 8-1 f’dawn il-kapijiet ta’ akkuża.

Il-Qorti Mimlija U L-Familji Preżenti

Il-gallarija tal-viżitaturi kienet ippakkjata, b’preżenza mill-familja  Caruana Galizia u Carmel Chircop, fost oħrajn. 

L-Imħallef ħabbret li s-sentenza finali se tingħata nhar it-Tlieta li ġej fis-11am. L-avukati tal-akkużati kollha ddikjaraw li mhux se jikkontestaw il-verdett.

More in Qrati u Pulizija