Kaos, għajjat u bieb jissabbat kienet x-xena fi Qorti hekk kif tnax-il persuna bla saqaf fuq rashom, fosthom żewġ Maltin, ġew mixlija li kienu qed jittalbu u jorqdu fit-toroq tal-Marsa ul-Ħamrun. Il-każ, li għandu wkoll aspetti umani intensi, se jibgħat lill-imputati kollha l-ħabs sakemm jinstema’ fil-Qorti Kriminali.
Il-prosekuzzjoni qalet li l-Pulizija kienu rċevew diversi ilmenti dwar id-disturbi minn persuni partikolari f’dawn iż-żoni. Fi spezzjoni minn Pulizija tal-komunità, sabu lil dawn it-tnax jorqdu barra — xi wħud fuq saqqijiet, oħrajn wara kontenituri jew ġo garaxxijiet abbandunati.
L-imputati kollha bdew jgħajtu hekk kif ġew introdotti fl-awla tal-Qorti. Wieħed minnhom dawwar wiċċu lejn il-ġurnalisti u qal b’leħen għoli: “Jien ma għamilt xejn!” Il-Maġistrat kellu jordna li jitkeċċew kollha mill-awla u li jiddaħħlu wieħed wieħed biex jitressqu uffiċjalment.
"Sibnihom eżatt kif qalulna n-nies"
L-Ispettur Gatt qalet: “Għandna bosta xhieda u footage tas-CCTV li juru eżatt min kienu. Sibnihom eżatt kif qalulna n-nies.
L-Avukat tal-għajnuna legali Martin Fenech, li deher għalihom kollha, ikkontesta l-akkużi, u qal li l-fatt li kienu bla dar ma jfissirx li kienu qed jittalbu. “In-nuqqas ta’ residenza mhux prova ta’ reat,” qal.
It-tnax wieġbu mhux ħatja huma : Ivan Pavlovic, Mohammed Ahmed, Mohammed Muhudin, Mohammed Bashir, Abdul Salam, Amadou Barry, Mario Campolo, Anwar Elnily, Faraj El Ragig u Emeke Ike
Dawn kollha nstabu fil -Marsa.
Il-ħdax -il akkużat kien Nathan Micallef li nstab il- Ħamrun. Meta staqsieh l-età tiegħu, il-Maġistrat qallu: “Int fl-aqwa ta’ ħajtek — fittex xogħol.” Il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest, peress li ma kellux indirizz stabbli.
L-aktar xena intensa seħħet mat-12-il akkużata, mara Maltija. Hija daħlet fl-awla tgħajjat u qalet li ma kellhiex fejn torqod. “Għada ssibni hawn mill-ġdid!” bdiet tgħajjat lejn il-Maġistrat. Imbagħad daret lejn il-ġurnalisti u stqarret: “Iktbuh dan! Qegħdin jakkużawni għax norqod barra — qisni għandi għażla.”
Il-mara irrifjutat li titbiegħed mill-kelb tagħha. Wara li tkeċċiet mill-awla għax kompliet tgħajjat u ssabbat il-bieb hi u ħierġa kompliet tinstema’ tgħajjat fil-kurituri tal-qorti.
Hija wkoll wieġbet mhux ħatja.
Il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest għal kulħadd, minħabba n-nuqqas ta’ indirizz permanenti. Il-Maġistrat qal li l-akkużati se jinżammu arrestati fil-ħabs sakemm jinstema’ l-każ quddiem il-Qorti Kriminali.
F’dettall mhux tas-soltu, il-Qorti tat permess lill-mara tieħu lill-kelb magħha l-ħabs, minħabba ċ-ċirkostanzi partikolari.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet minn Gabria Gatt filwaqt li l-akkużati qed ikunu rappreżentati minn Martin Fenech.