Sentenza sospiża għal mara ta’ 27 sena akkużata b’involviment f’serqa

Mara ta’ 27 sena mill-Isla ngħatat sentenza ta’ 18-il xahar ħabs sospiża għal sentejn, wara li ammettiet li kellha sehem fi serqa li seħħet fl-2019 f’residenza privata fiż-Żejtun.

Nicole Vassallo tressqet quddiem il-Maġistrat Monica Vella, fejn il-Qorti semgħet kif għalkemm ma kienetx preżenti waqt il-każ, hi kienet għaddiet informazzjoni sensittiva dwar il-proprjetà lil persuni li wara wettqu s-serqa.

L-Ispettur Saviour Baldacchino spjega kif is-serqa seħħet bejn il-23 u l-24 ta’ Novembru tal-2019, f’appartament f'Kastellan Court, Triq il-Faqqus, iż-Żejtun. Il-vittma, Ryan Grech, li dak iż-żmien kien f’relazzjoni ma’ Vassallo, irrappurta li nsterqu madwar €13,400 fi flus kontanti, handbag, karta tal-identità, liċenzja tas-sewqan u karta tal-kreditu.

Mill-investigazzjonijiet, il-Pulizija sabu komunikazzjonijiet bejn Vassallo u Marflene Cricchiola — wieħed mill-persuni suspettati — fejn Vassallo tat informazzjoni ġenerali dwar il-post fejn kien jgħix Grech u fejn x’aktarx kienu miżmuma l-flus. Hija ammettiet li qalet li Grech jgħix iż-Żejtun u li jżomm il-flus fil-kamra tas-sodda, iżda insistiet li qatt ma tat l-indirizz preċiż jew dettalji speċifiċi tal-appartament.

Il-Qorti semgħet ukoll kif Cricchiola bagħat messaġġi lil Vassallo lejlet is-serqa biex jistaqsi dwar il-preżenza ta’ Grech fid-dar. Vassallo qalet li ħassitha taħt pressjoni u li ma kinitx parti minn xi ftehim biex isseħħ is-serqa.

Il-vittma beda jissospetta fuq Vassallo minħabba li kienet għadha toqgħod miegħu ftit ġimgħat qabel il-każ, u l-fatt li min daħal fid-dar deher jaf eżatt x’kien qed ifittex. Persuna oħra, Victor Degabriele, kienet ukoll taħt investigazzjoni, iżda l-Pulizija qalu li sabu diffikultà biex jikkoopera u l-evidenza li kellhom kienet indiretta.

Rapport ta’ qabel is-sentenza, ippreżentat mis-social worker Charise Boffa, indika li Vassallo ma kellhiex rekord kriminali, wriet dispjaċir għal dak li għamlet, u kienet f’qagħda emozzjonali diffiċli, fosthom relazzjoni instabbli mal-vittma u pressjoni psikoloġika.

Filwaqt li rrikonoxxiet is-serjetà tal-akkużi, il-Qorti għażlet li tagħti ċans lil Vassallo biex tirriforma. Għalhekk, ġew imposti 18-il xahar ħabs sospiżi għal sentejn. Vassallo ġiet ukoll ordnata tħallas aktar minn €1,100 f’ispejjeż relatati ma’ esperti u testijiet forensiċi.

More in Qrati u Pulizija