Il-Qorti tal-Appell ikkonfermat is-sentenza ta’ erba’ snin ħabs kontra anzjan li nstab ħati li wettaq atti sesswali man-neputija tiegħu meta din kellha bejn erba’ u ħames snin.
L-imħallef Edwina Grima ċaħdet l-appell tal-akkużat, li kien argumenta li l-proċess ma kienx ġust u li l-istqarrija li ta lill-Pulizija kellha titwarrab. Il-Qorti tal-Appell qalet li ma kien hemm l-ebda irregolarità fil-proċess u li l-ewwel Qorti kienet għamlet evalwazzjoni korretta tal-provi.
L-ewwel sentenza kienet ingħatat f’Ġunju tas-sena l-oħra mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit, li kienet sabet lill-akkużat ħati ta’ abbuż ripetut kontra n-neputija tiegħu fl-2019. Il-każ kien ġie żvelat meta t-tifla qalet lil missierha li nannuha kien imiss il-parti privata tiegħu ma’ tagħha, u allegat li dan kien seħħ diversi drabi fid-dar tan-nannu.
L-anzjan dejjem ċaħad l-akkużi, u insista li l-uniku inċident li jiftakar kien meta kien qed jinħasel u t-tifla daħlet fuqu. Huwa saħansitra ammetta li xi drabi kien jaqbad il-parti privata tan-neputija biex, skont hu, jiċċajta magħha. Madankollu, il-Qorti ma tatx każ tal-verżjoni tiegħu u qieset il-verżjoni tat-tifla bħala waħda kredibbli u konsistenti.
Filwaqt li qieset l-età tal-akkużat, il-Qorti saħqet li huwa ttradixxa r-responsabbiltà tiegħu bħala nannu, u għalhekk kienet kkundannatu erba’ snin ħabs u ordnatlu jsegwi trattament għal sentejn. Barra minn hekk, il-Qorti kienet ordnat li ismu jitniżżel fir-reġistru ta’ dawk li abbużaw mit-tfal.
Fl-appell tiegħu, l-akkużat argumenta li ma kienx ingħata l-assistenza legali meta ta l-istqarrija tiegħu lill-Pulizija. Madankollu, il-Qorti tal-Appell irrimarkat li huwa qatt ma lmenta dwar dan matul il-proċess quddiem l-ewwel Qorti u li kien ikkonferma li rċieva ittra li tispjega d-drittijiet tiegħu, inkluż id-dritt li jkollu avukat. Il-Qorti kkonkludiet li l-istqarrija tiegħu ttieħdet skont il-liġi.
Il-Qorti ċaħdet ukoll l-argument li n-neputija ma kinitx kredibbli, u nnotat li d-dikjarazzjonijiet tagħha kienu konsistenti u ċari. Għalhekk, il-Qorti tal-Appell qablet li s-sentenza imposta mill-ewwel Qorti kienet ġusta u meritata.
Il-Qorti ordnat ukoll divjet fuq l-isem tal-akkużat sabiex tkun protetta l-identità tal-minuri.
Il-prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mill-Ispettur Joseph Busuttil.