Il-Qorti tiddeċiedi favur familja f’każ ta’ inċident tat-traffiku fatali tal-2019

Il-Pulizija kienu kkonfermaw li l-akkużata kienet responsabbli għall-inċident minħabba negliġenza u nuqqas ta’ osservanza tar-regolamenti tat-traffiku wara li din qabżet fil-karreġġjata opposta u laqtet lill-vittma

F’sentenza importanti mill-Qorti Ċivili, ippreseduta mill-Imħallef Toni Abela, il-Qorti ddeċidiet favur il-familja Degiorgio, u tat kumpens wara inċident tat-traffiku fatali fl-2019. Dan l-inċident, li seħħ fl-14 ta’ April 2019 fit-8:30 ta’ filgħaxija fi Triq l-Imġarr, kien ħalla żewġ persuni mejta, Graziella Mallia u Fallon Mallia, u diversi oħra midruba, inklużi Polina Degiorgio u bintha Keira. 

Il-ħabta kienet tinvolvi vettura Maruti, misjuqa minn Graziella Mallia, li qabżet fil-karreġġjata opposta u laqtet Audi misjuqa minn Polina Degiorgio. Il-Pulizija kkonfermaw li Mallia kienet responsabbli biss għall-inċident minħabba negliġenza u nuqqas ta’ osservanza tar-regolamenti tat-traffiku. Polina Degiorgio u bintha Keira sofrew ġrieħi serji. 

Polina Degiorgio u żewġha, Daniel Degiorgio, ressqu kawża ċivili kontra George Mallia, l-eredi ta’ Graziella Mallia, u Argus Insurance Company (Europe) Limited. Huma talbu għad-danni għall-ġrieħi fiżiċi, għat-trawma emozzjonali, u għad-diżabilità permanenti li ġarrbu minħabba l-ħabta. Il-Qorti eżaminat rapporti mediċi li kkonfermaw il-gravità tal-ġrieħi u tad-diżabilità. 

L-Imħallef Abela ddikjara li Mallia kienet kompletament responsabbli għall-inċident u ffoka fuq l-assessjar tad-danni u l-għoti tal-kumpens. Il-kumpens għal Polina Degiorgio kien ikkalkolat abbażi tad-dħul stmat għal tul ħajjitha, b’korrezzjonijiet għall-perċentwal tad-diżabilità permanenti tagħha.  

Il-Qorti tat somma totali ta’ €178,644 lil Polina Degiorgio, €6,107 lil bintha Keira, u €15,653 lil Daniel Degiorgio għal servizzi ta’ nanny li kienu meħtieġa wara l-inkapaċità ta’ martu biex tieħu ħsieb lit-tarbija tagħhom. L-Imħallef Abela ordna li l-kumpens allokat għat-tifla minuri, Keira, jiġi ddepożitat f’kont sigur sakemm tasal għall-età legali. 

More in Qrati u Pulizija