Tmien snin wara... Il-Qorti ssibu ħati li kkawża l-mewt ta' Joanna Boni

Il-Qorti tgħid li r-raġel li tmien snin ilu 'kkawża l-mewt' ta’ Joanna Boni seta’ jevita l-inċident kieku kien attent għal dak li kien qed jiġri madwaru fit-triq • Jeħel sitt xhur sospiżi għal sena, waqt li tteħditlu l-liċenzja tas-sewqan għal tliet xhur

Raġel li tmien snin ilu “kkawża l-mewt” ta’ Joanna Boni ta’ 27 sena f’inċident tat-traffiku fin-Naxxar weħel sitt xhur sospiżi għal sena.

Is-sentenza kienet ilha għaddejja snin, bil-familjari ta’ Boni jiġieldu għall-ġustizzja ta’ binthom, iżda kienet il-Qorti tal-Appell li finalment sabitu ħati.

L-Imħallef Edwina Grima sabitu ħati wkoll li kien qed isuq bi traskuraġni u li kkaġuna ħsara fil-mutur tal-vittma.

Ir-raġel itteħditlu l-liċenzja tas-sewqan għal tliet xhur, u ġie orndat iħallas l-ispejjeż tal-Qorti, li ġew jammontaw għal €2,117.

Boni tilfet ħajjitha fil-5 ta’ Jannar tal-2016, fi Triq il-Labour, wara li nqabbdet bejn trakk tal-konkrit misjuq minn Cauchi u l-mutur tagħha.

Il-Qorti tal-Appell ikkonkludiet li l-akkużat kien qed isuq bi traskuraġni trakk kbir, left-hand drive, mgħobbi.

Skont il-Qorti tal-Appell, is-sewwieq tat-trakk lanqas biss induna li kien tajjar persuna u li kellu mutur maqbud taħt it-trakk.

Ikkonkludiet ukoll li huwa seta’ jevita l-inċident kieku kien attent għal dak li kien qed jiġri madwaru fit-triq.

More in Qrati u Pulizija