Jingħataw il-ħelsien mill-arrest wara ġlieda f'każin laburista f'Birżebbuġa

Missier żewġ imputati sofra ġrieħi gravi wara li ntervjena biex jipprova jwaqqaf il-ġlied

Żewġ aħwa flimkien mas-sieħeb ta’ oħthom tressqu l-qorti l-Ħamis b’relazzjoni ma’ ġlieda li seħħet f'każin laburista f’Birżebbuġa kmieni din il-ġimgħa. 

Shylon Mangion ta’ 22 sena, u Brian Mangion ta’ 31 sena, it-tnejn mill-Fgura, dehru quddiem il-Maġistrat Kevan Azzopardi, flimkien ma’ Wayne Barbara ta’ 29 sena minn Marsaskala, is-sieħeb ta’ oħt l-aħwa Mangion. 

It-tlieta ġew akkużatli li kkawżaw ġrieħi gravi. 

L-ispettur tal-pulizija Doriette Cuschieri qalet lill-qorti li fl-1 ta’ Marzu, uffiċjali tal-pulizija ħadu l-azzjoni meħtieġa meta daħal rapport fuq argument ġewwa l-każin laburista.  

Sakemm waslu fuq il-post, il-ġlieda kienet waqfet u kulħadd involut kien telaq lejn id-dar. Iżda, ftit tas-sigħat wara, il-pulizija reġgħu rċevew rapport ieħor fuq ġlieda oħra li fiha kienu nvoluti l-imputati, u missier l-aħwa li kellu bżonn assistenza medika għall-ġrieħi gravi li kien sofra mill-attakk. 

L-imputati attakkaw lill-barman u missierhom prova jwaqqaf il-ġlied, iżda sfortunatament spiċċa ġarrab xi ġrieħi. L-imputati ammettew mal-pulizija dwar l-involviment tagħhom fil-ġlieda. 

L-ispettur żied jgħid li għaddejjin aktar investigazzjonijiet tal-pulizija bil-ħsieb li jiġu akkużi kontra l-allegati vittmi.

L-aħwa Mangion u Barbara wieġbu mhux ħatja għall-akkużi. L-avukati tagħhom talbu għall-ħelsien mill-arrest u argumentaw li l-imputati kienu biss qed jiddefendu lil missierhom mill-attakk. 

Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat kontra t-talba għall-ħelsien mill-arrest u sostniet li l-allegati vittmi għadhom iridu jixhdu, jiġifieri li l-evidenza tinsab f’riskju ta’ subornament. 

Il-qorti laqgħet it-talba u tat il-ħelsien mill-arrest lill-imputati, u talbithom biex jevitaw li jmorru Birżebbuġa u li għandhom jiffirmaw il-bali book tliet darbiet fil-ġimgħa u josservaw curfew. Il-ħelsien mill-arrest ingħata fuq garanzija ta’  €8,000 u garazija personali ta’ €22,000.

Inħarġet ordni ta’ protezzjoni favur l-allegati vittmi. 

L-Avukat Darlene Grima mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u l-Ispettur tal-Pulizija Doriette Cuschieri dehru għall-prosekuzzjoni.

L-avukati Franco Debono u Adriana Zammit assistew lill-akkużati.

More in Qrati u Pulizija