L-allegat li biegħ malware ma rċeviex smigħ ġust, jgħidu l-avukati f'preċeduri kostituzjonali

Fl-applikazzjoni tiegħu għall-appell, Meli kien ċaħad li l-ammissjoni tiegħu "kienet waħda totalment volontarja," għaliex, fost raġunijiet oħra, ma kienx ħa l-medikazzjoni tiegħu u għalhekk ma kienx fi stat mentali li jagħti l-kunsens xieraq mistenni bil-liġi.”

L-avukati ta’ raġel minn Ħaż-Żabbar ressqu kawża kostituzzjonali biex id-deċiżjoni ta’ estradizzjoni lejn l-Istati Uniti, li ġiet ikkonfermata riċentament b’appell, tiġi annullata. L-avukati sostnew li r-raġel sofra ksur ta’ dritt ta’ smigħ ġust.

Din hija l-aħħar bidla fl-estradizzjoni ta’ Daniel Joe Meli ta’ 27 sena, li kien ġie arrestat fis-7 ta’ Frar mill-pulizija, b’koordinazzjoni mal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u bl-appoġġ tal-FBI u d-Dipartiment tal-Ġustizzja tal-Istati Uniti.

Id-Distrett tat-Tramuntana tal-Georgia kien talab li Meli jiġi estradit wara li kien akkużat fuq  aċċess għall-kompjuter, ħsara u reati relatati mal-interċettazzjoni f'Diċembru 2023.

Il-prosekuturi tal-Istati Uniti qed jakkużaw lil Meli li offra prodotti u servizzi ta’ malware għal-bejgħ fuq forums ta’ hacking għal aktar minn għaxar snin. Huwa akkużat li offra tipi ta’ malware għall-bejgħ, fosthom it-trojan Pegasus (RAT), liċ-ċiberkriminali. 

Fid- 9 ta' Frar, meta Meli tressaq quddiem il-Qorti, huwa kien ta l-kunsens tiegħu għat-talba għall-estradizzjoni, iżda wara li biddel l-avukati, huwa ressaq appell. Dan l-appell ma ġiex milqugħ.

Fir-rikors kostituzzjonali, ippreżentat mill-avukati Franco Debono u Arthur Azzopardi, Meli jenfasizza “l-istorja medika twila tiegħu u serje ta’ problemi ta’ saħħa mentali,” li kienu wasslu għal diversi żjarat fl-isptarijiet u f’faċilitajiet tas-saħħa mentali.

“L-attur kien sostna li fid-dawl ta’ dan kollu, il-Qorti tal-Impenn kienet obbligata tinvestiga l-istat mentali tiegħu qabel ma taċċetta d-dikjarazzjoni volontarja tiegħu ta’ kunsens għall-estradizzjoni, partikolarment li taċċerta lifehem sew dak kollu li kien qed jiġi akkużat bih... u potenzjalment x’sentenzi ta’ ħabs kien qed jiffaċċja.”

Fl-applikazzjoni tiegħu għall-appell, Meli kien ċaħad li l-ammissjoni tiegħu "kienet waħda totalment volontarja," għaliex, fost raġunijiet oħra, ma kienx ħa l-medikazzjoni tiegħu u għalhekk ma kienx fi stat mentali li jagħti l-kunsens xieraq mistenni bil-liġi.”

Fid-dawl tal-kwistjoni tas-saħħa mentali ta’ Meli, l-avukati tar-raġel qalu li l-prosekutur mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali kien iddikjara li mhux qed jieħu l-kwistjoni b’mod ħafif u kien talab evidenza dokumentata tal-allegati problemi ta’ saħħa mentali, bl-argument li kien “appuntu fl-interess [tal-AG] li jipproteġi d-drittijiet tal-appellant u mhux bil-maqlub, u għalhekk qatt ma nista’ naċċetta ċerti allegazzjonijiet li qed isiru mill-appellant f’dan l-istadju, jekk mhux se nara provi konkreti b’għajnejja stess...”

B'differenza mill-proċedimenti taħt liġijiet oħra, dawk taħt l-Att dwar l-Estradizzjoni ppermettew għal provi ġodda jiġu esebiti fl-istadju tal-appell.

L-avukati ta’ Meli jgħidu li minkejja dan, il-Qorti tal-Appell Kriminali kienet “farfret mid-dmirijiet tagħha u mit-talbiet tal-partijiet… u ddeċidiet li ‘għandha tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq dak li joħroġ mill-atti tal-proċeduri għax din hija Qorti tal-Appell u mhux Qorti tal-Impenn.”

More in Qrati u Pulizija