Il-Pulizija tarresta r-raġel ta' bint Totò Riina, il-kap ta' Cosa Nostra
Taljan ta’ 50 sena arrestat f’Malta huwa Antonino Ciavarello, ir-raġel ta' bint l-infami capo dei capi Totò Riina
More in Qrati u Pulizija
Taljan ta’ 50 sena arrestat f’Malta huwa Antonino Ciavarello, ir-raġel ta' bint l-infami capo dei capi Totò Riina
Ċittadin Taljan ta’ 50 sena ġie arrestat mill-pulizija Maltija bis-saħħa ta’ Mandat ta’ Arrest Ewropew. Ir-raġel ġie identifikat bħala Antonino Ciavarello, ir-raġel ta' bint l-infami capo dei capi minn Sqallija, Totò Riina.
Ciavarello kien imfittex mill-prosekuturi fi Brindisi, f’Puglia, fin-Nofsinhar tal-Italja.
L-arrest seħħ kmieni l-Ħamis filgħodu wara ġimgħat ta’ investigazzjonijiet, li żvelaw li l-individwu kien joqgħod il-Mosta. Pulizija minn diversi taqsimiet iċċirkondaw ir-residenza u wettqu l-arrest.
L-awtoritajiet Taljani kienu ħarġu l-mandat ta’ arrest kontra ċ-ċittadin Taljan fl-24 ta’ Jannar, 2022, biex jinfurzaw sentenza ta’ ħabs. L-operazzjoni saret b’kollaborazzjoni mal-pulizija Taljana.
Fl-2017, Ciavarello ġie arrestat f’Puglia biex iservi sitt xhur taħt arrest domiċiljari għal frodi. Ciavarello, li dak iż-żmien kien joqgħod San Pancrazio ma’ martu, instab ħati ta’ frodi li sar f’Termini Imerese fl-2009.
Ciavarello mistenni jiġi estradit lejn Sqallija biex jiskonta l-ħabs. Huwa tressaq taħt arrest quddiem il-maġistrat Giannella Camilleri Busuttil.
Fil-Qorti llum waranofsinhar, l-Ispettur Roderick Spiteri ikkonferma b’ġurament li kien qed iressaq lil Ciavarello taħt arrest bis-saħħa ta’ żewġ Mandati ta’ Arrest Ewropej maħruġa mill-awtoritajiet Taljani. Huwa esebixxa kopji tal-mandat ta' arrest oriġinali u t-twissija relatata tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen.
L-Ispettur Spiteri spjega li ż-żewġ mandati kienu nħarġu f’isem Ciavarello, maħruġa b’rabta ma’ żewġ sentenzi separati tal-qorti.
Ciavarello, li deher il-Qorti liebes ħwejjeġ miksija bit-trab tal-kostruzzjoni, ma setax iqum bil-wieqfa fil-baċir. Il-Maġistrat Giannella Camilleri Busuttil ħalliet lir-raġel jibqa’ bilqiegħda.
Waqt li kien qed jitkellem bil-kwiet, kważi jsejjes minn taħt l-ilsien, ir-raġel ta indirizz fil-Mosta bħala l-post ta’ residenza tiegħu. Huwa qal lill-Qorti li kien impjegat bħala xufier ma’ kumpanija tal-kostruzzjoni bbażata f’San Ġwann.
Iż-żewġ mandati jordnawh jeħel sentejn ħabs u jħallas multa ta’ €100,000, u tmien xhur oħra ħabs.
Waqt li tkellem permezz ta’ interpretu, Ciavarello kkonferma mal-Qorti li kien il-persuna identifikata fiż-żewġ mandati. L-Avukat Thomas Barbara Sant, li jassisti lil Ciavarello qal lill-Qorti li l-klijent tiegħu kien jaf bis-sentenzi iżda ma kienx jaf li kien ikkundannat il-ħabs.
Il-Qorti staqsiet lil Ciavarello jekk aċċettax li jiġi rritornat l-Italja. Huwa qal li iva.
Toto Riina, li miet fl-2017 fl-età ta’ 87, kien nieda gwerra ta’ dmija fid-disgħinijiet kontra maġistrati li kienu kontra l-Mafja, fosthom Giovanni Falcone u Paolo Borsellino 25 sena ilu.
Qtil ieħor infami kienu dawk tal-Carabinieri Ġenerali Carlo Alberto Dalla Chiesa, li dan l-aħħar kien inħatar prefett ta’ Palermo, fl-1982; u tal-Gvernatur Sqalli Piersanti Mattarella, ħu l-President Taljan Sergio Mattarella, fl-1980.