Raġel wieġeb ħati li seraq €150 minn vażett f'kafetterija f’San Pawl il-Baħar

Manpreet Singh ta’ 27 sena mill-Indja tressaq il-Qorti wara li seraq madwar €150 minn vażett f'kafetterija f’San Pawl il-Baħar biex ikun jista' jaffordja jixtri d-droga

Raġel għandu jingħata sentenza l-ġimgħa d-dieħla wara li ammetta li seraq madwar €150 minn vażett f'kafetterija biex ikun jisa' jaffordja jixtri d-droga.

Manpreet Singh ta’ 27 sena mill-Indja tressaq il-Qorti quddiem il-maġistrat Gabriella Vella nhar il-Ġimgħa wara nofsinhar.

L-Ispettur Francesco Mizzi akkuża lil Singh b’serq u li għex ħajja inattiva u vagabonda. Spjega li fil-11 ta’ filgħodu tal-bieraħ, l-għassa tal-Qawra rċeviet rapport ta’ raġel, liebes hoodie u backpack, li seraq il-kontenut ta’ vażett tat-tip minn kafetterija f’San Pawl il-Baħar għall-ħabta tat-8:30am tal-istess jum.
Il-filmati tas-CCTV tas-serq ingħataw lill-pulizija, li żiedu immaġni tas-suspettat fil-lista ta’ mfittxija.

Sigħat biss wara, fil-5:30pm, uffiċjali tal-pulizija tal-komunità tal-Ħamrun kienu nnutaw raġel li jixbah is-suspettat, liebes l-istess ħwejjeġ u iġorr l-istess backpack u arrestawh.

Waqt li kien fil-kustodja tal-pulizija, Singh kien ammetta li seraq u qal lill-pulizija li kien għamel żball stupidu. Huwa kkonferma lill-uffiċjali li muniti li kienu nstabu ġewwa l-backpack tiegħu kienu muniti meħuda mill-vażett. 

Fil-qorti nhar il-Ġimgħa wara nofsinhar, Singh ma qagħadx lura milli jwieġeb "ħati," meta mitlub li jdaħħal motiv.

L-Ispettur Mizzi informa lill-Qorti li l-pulizija stabbilixxew ukoll li Singh kellu problema tad-droga li kellha tiġi indirizzata, u talab li jirċievi sentenza ta’ kustodja, flimkien ma’ riabilitazzjoni waqt li kien il-ħabs.

L-avukat tal-għajnuna legali Ingrid Zammit Young talbet lill-qorti tikkunsidra sentenza mhux ta’ kustodja, flimkien ma’ ordni ta’ trattament għar-riabilitazzjoni tad-droga mhux residenzjali, filwaqt li argumentat li dan kien l-ewwel każ ta’ Singh u li r-raġel kien bla saqaf fuq rasu, peró issa huwa impjegat u għandu fejn jgħix. 

Il-Qorti deferit il-każ għat-Tnejn filgħodu biex tingħata sentenza.

More in Qrati u Pulizija