Il-werrieta ta' Daphne Caruana Galizia jressqu lment kriminali dwar ix-xogħol ta’ Rosienne Cutajar

Il-werrieta ta’ Daphne Caruana Galizia kitbu lill-pulizija fejn talbu azzjoni kriminali dwar ix-xogħol “frawdolenti” tal-gvern mogħti lid-Deputat Rosianne Cutajar fl-2019

Il-werrieta ta’ Daphne Caruana Galizia talbu għall-azzjoni kriminali mill-pulizija fuq ix-xogħol “frawdolenti” tal-gvern li ngħata lid-Deputat Rosianne Cutajar fl-2019. L-avukat tal-familja Jason Azzopardi ressaq ilment kriminali kemm mal-Kummissarju tal-Pulizija kif ukoll mal-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.

Fl-ilment, il-familja tgħid li l-pulizija ilha mill-2020 kellha provi tar-reati, li jinkludu misapproprjazzjoni u ħasil tal-flus.

Investigazzjoni mill-Awditur Ġenerali ppubblikata l-ġimgħa li għaddiet żvelat kif l-impjieg ta’ Cutajar bħala konsulent tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi (ITS) kien “frawdolenti”, “irregolari” u “bi ksur” tal-politki u l-proċeduri kollha tal-impjiegi pubbliċi.

Cutajar kienet ftaħret dwar dan ix-xogħol ta’ konsulent ta’ Yorgen Fenech permezz ta’ messaġġi fuq Whatsapp. Fenech huwa ssuspettat li orkestra l-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia f’Ottubru 2017.


Fenech qed iwieġeb mhux ħati li kellu x'jaqsam mal-qtil tal-ġurnalista Caruana Galizia u mistenni jibda għaddej ġuri s-sena d-dieħla. Fiċ-chats tagħha ma’ Yorgen Fenech, Cutajar qalet: “Jien mhux se nibqa' ninkwieta u se nsir konsulenta ma’ Pierre tal-ITS, u ndaħħal salarju ieħor fil-but.” Filwaqt li kompliet tgħid lil Fenech, "Ma jimpurtaniex, kulħadd qed jitħanżer".

L-Awditur Ġenerali, mhux biss ikkritika l-mod kif Cutajar ngħatat ix-xogħol ta’ konsulent imma li kienet ukoll ingaġġata biex tagħmel xogħol li ma kinitx kompetenti fih u hemm ftit evidenza li turi li għamlet xi ħjiel ta' xogħol. 

Il-familja ta’ Caruana Galizia talbet investigazzjoni dwar Cutajar, il-Kap Eżekuttiv tal-ITS Pierre Fenech, kif ukoll l-eks Ministru tat-Turiżmu Konrad Mizzi u ċ-chief of staff tiegħu Kevin Borg. Il-Prim Ministru Robert Abela ma qabilx li Fenech jirriżenja minn Kap Eżekuttiv, u minflok tefa’ t-tort kollu fuq Mizzi.

Robert Abela qal li kemm Fenech kif ukoll Borg kienu qed jimxu ma' ordnijiet li tahom l-eks ministru meta ġie biex jimpjega lil Cutajar bħala konsulent tal-ITS. Konrad Mizzi kien implikat f'diversi skandli, għalkemm għadu ma tressaqx il-Qorti biex jiffaċċja akkużi.

Cutajar stess irriżenjat mill-kabinett ta’ Abela fuq ir-rwol tagħha bħala broker fi ftehim ta’ proprjetà ta’ €3.1 miljun li kien jinvolvi lil Yorgen Fenech. Il-Partit Nazzjonalista qal li se jkun qed jippreżenta mozzjoni parlamentari li titlob li Cutajar tagħti lura l-fondi li rċeviet “bla mistħoqq” mingħand l-ITS.

Cutajar irriżenjat mill-grupp parlamentari Laburista f’April, wara li l-awtur Mark Camilleri ppubblika ċ-chats kollha bejnha u Yorgen Fenech. Madankollu, hija baqgħet fil-parlament bħala MP indipendenti, anke jekk baqgħet dejjem tappoġġja kull ma jagħmel il-Partit Laburista fil-parlament.

More in Qrati u Pulizija