Tkompli l-inkjesta pubblika fil-mewt ta' Jean Paul Sofia

Jason Azzopardi jixhed li liġijiet ġodda li jirregolaw is-settur tal-kostruzzjoni m'għaddewx mill-Kabinett għax il-Gvern ried jevita kunflitti mal-kuntratturi qabel l-Elezzjoni Ġenerali

L-inkjesta pubblika fil-mewt ta’ Jean Paul Sofia kompliet it-Tnejn 18 ta’ Settembru. Hawnhekk instema’ fuq kif memo lill-Kabinett fejn kienet proposta konsultazzjoni pubblika rigward liġijiet ġodda li jirregolaw is-settur tal-kostruzzjoni ma ġietx aċċettata. Dan peress li xahrejn wara kienet skedata l-Elezzjoni Ġenerali, u l-Gvern ried jevita kunflitti mal-kuntratturi.

Dan intqal mill-Avukat Jason Azzopardi, li preżenta wkoll l-abbozz ta’ liġi, wara li talab biex jixhed.

Azzopardi allega li Uffiċċjal tal-Gvern f’pożizzjoni għolja kien kellmu wara l-mewt ta’ Sofia, fejn spjegalu kif il-liġijiet li l-Gvern kien wiegħed li se jipproponi sabiex jirregola dan is-settur kienu mblokkati mill-Kabinett.

L-abbozz preżentat kellu l-firma tal Ministru Aaron Farrugia u s-Segretarju Parlamentari Chris Agius. Skont Azzopardi, din kienet preżentata lill-Kabinett fl-2021, bl-għan li tirregola il-liċenzjar tal-kuntratturi, kif ukoll sabiex testabilixxi l-livell li hemm bżonn ikollhom il-bennejja.

More in Qrati u Pulizija