Raġel arrestat b’rabta ma’ allegat importazzjoni ta’ droga

Il-pulizija tarrestaTaljan fil-Gżira wara li ġie skopert pakkett b'4 kilogrammi MDMA, b’valur fit-triq ta’ madwar €200,000, f’operazzjoni ta’ konsenja kkontrollata

Ritratt: Pulizija ta' Malta
Ritratt: Pulizija ta' Malta

Taljan ta’ 29 sena ġie arrestat mill-Pulizija b’rabta ma’ każ ta’ importazzjoni ta’ sustanzi suspettati MDMA, wara li ġiet esegwita konsenja kkontrollata fil-Gżira nhar il-Ħamis filgħodu.

Il-każ beda wara li l-awtoritajiet identifikaw pakkett li kien qed jasal Malta minn barra l-pajjiż, li fih instabet sustanza suspettata li kienet droga. Il-pulizija ppreparaw konsenja kkontrollata u wasslu l-pakkett fl-indirizz indikat. Ftit wara li r-raġel ġabar il-pakkett, ġie arrestat mill-Pulizija.

Il-pakkett kien fih madwar erba’ kilogrammi MDMA, droga magħrufa aħjar bħala ecstasy, b’valur stimat fit-triq ta’ madwar €200,000.

Ir-raġel mistenni jitressaq il-Qorti llum għall-ħabta tal-11:30am quddiem il-Maġistrat Dr Yana Micallef Stafrace LL.D., fejn se jiffaċċja akkużi relatati mal-importazzjoni u pussess ta’ droga.

More in Qrati u Pulizija