Sentenza sospiża wara li ta daqqa ta' ras u beżaq lejn Pulizija
Il-filmat ġie rrekordjat kollu fuq kameras li l-Pulizija kellhom fuq persunthom
More in Qrati u Pulizija
Il-filmat ġie rrekordjat kollu fuq kameras li l-Pulizija kellhom fuq persunthom
Raġel wieġeb ħati għall-akkużi miġjuba fil-konfront tiegħu wara li dan ta daqqa ta’ ras u beżaq lejn uffiċċjali tal-Pulizija il-Ħadd 3 ta’ Settembru filgħodu f’Paceville.
L-Ispettur Brian Xuereb ressaq ir-raġel ta’ 48 mill-Gżira quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit fuq akkużi ta’ aggressjoni lejn tliet Pulizija, li dan heddidhom u insultahom, li weġġa’ ħafif lil wieħed minnhom, li ma segwhiex l-istruzzjonijiet tagħhom, li kien fis-sakra fil-pubbliku u li kiser il-paċi pubblika.
Xuereb spjega kif ir-raġel kien ġo bar m’ibnu, u kien urtat meta ġew il-Pulizija jkellmu lill-iben fuq każ mhux relatat. Hu kien mitlub ipoġġi, qabel ibnu qallu sabiex joħroġ barra. Kif kien barra, hu ta daqqa ta’ ras lil Pulizija u beżaq lejhom, waqt li dawn kienu qed jipprovaw jimmanetjawh. Waqt li kienu qed idaħluħ fil-karozza, laqat ukoll lil Pulizija ieħor b’daqqa ta’ sieq f’wiċċu. Dan kollu kien irrekordjat bil-kameras li l-Pulizija kellhom fuq persunthom.
Huwa wieġeb ħati għall-akkużi, bl-avukat tad-difiża Alfred Abela jispjega kif dan kien għaddej minn żmien diffiċli, hekk kif martu kienet qed tingħata l-kura minħabba kundizzjoni medika.
Il-Qorti kkunsidrat l-ammissjoni bikrija u kkundannatu għal 18-il xahar priġunerija sospiżi għal sentejn, kif ukoll multa ta’ €4000. Wissiet ukoll li dan m’għandux jersaq lejn dan il-Pulizija, u jekk tinkiser din l-ordni jkun qed jaffaċċja sentejn priġunerija kif ukoll multa addizzjonali ta’ €7000.