Mara xurbana 'wara ċ-ċelebrazzjonijiet tal-Irxoxt' issuq ġo faċċata ta' ħanut biex tolqot ħaddiem

Fil-Qorti ngħad li wieħed mill-vittma ma riedx iħallas lill-akkużata l-kirja tal-appartament u beda jheddida

Mara ta' 35 sena mill-Ħamrun inżammet arrestata wara li lbieraħ, waqt li kienet qed issuq karozza tat-tip Mercedez, daħlet f'faċċata ta' ħanut tal-merċa. Dan filwaqt li hija kienet taħt l-influwenza tal-alkohol. 

L-akkużata tressqet quddiem il-Maġistrat Yana Micallef taħt l-akkużi li ikkawżat aktar minn €2,500 f'danni lis-sid tal-ħanut, li ikkawżat ħsarat lill-karozza - mhux irreġistrata f'isimha, li kienet qed issuq waqt li kienet xurbana, li bdiet issuq vettura li ma kelliex liċenzja u polza tal-assigurazzjoni, li s-sewqan tagħha kien perikoluż, li kisret il-paċi pubblika u b'reċediviżmu. 

L-Ispettur f'dan il-każ spjegat li meta l-akkużata saqet għal fuq is-shutter tal-ħanut, fil-Ħamrun stess, hija ikkawżat xi ħsarat lill-fridges tal-ħanut ukoll. Dan filwaqt li fil-mument li seħħ dan ir-reat kien hemm żewġ ħaddiema ġewwa jgħoddu l-flus. 

Filmat tas-CCTV juri l-mara intenzjonalment saqet fid-direzzjoni tal-ħanut, sussegwentament saqet lura u reġgħet saqet fid-direzzjoni tal-ħanut. Ingħad li hija kellha l-għan li tolqot lil wieħed mill-ħaddiema preżenti hekk kif kellha diżgwit fuq il-ħlas ta' kirja li kellu jagħtiha. 

L-akkużata, li mhix impjegata, kienet viżibilment xurbana u falliet it-test tal-breathalyser li sar fuq il-post. L-avukat difensur qal li "għalissa" ċaħdet l-akkużi kontriha u kien għalhekk li talab il-ħelsien mill-arrest. Minkejja dan, il-prosekuzzjoni irrifjutat. 

Id-difiża argumentat li l-akkużata mhijiex persuna tal-biża' u li ilbieraħ kienet taħt l-influwenza tal-alkohol. Qal ukoll li hija single mother ta' tliet itfal, tnejn minnhom taħt l-età ta' tmien snin. "Jekk tmur il-ħabs min se jieħu ħsiebhom?" staqsa l-avukat. 

Huwa argumenta wkoll li l-allegat vittma kien hedded lil akkużat fuq il-kirja. Qal li huwa ma riedx iħallasha u heddida. "Ġara li kellha l-alkohol fis-sistema wara ċ-ċelebrazzjonijiet tal-Irxoxt. Jekk għamlet dak li ġiet akkużata bih, allura għamlet hekk fis-saħna tal-mument," żied l-avukat. 

Minkejja dan, il-Qorti xorta waħda ċaħdet it-talba u talbet lill-prosekuzzjoni biex ittella' lill-vittmi biex jixhdu mingħajr dewmien. 

More in Qrati u Pulizija