Wara 70 sena s-sidien tal-Każin tal-PL tal-Belt jmorru l-Qorti biex jieħdu l-proprjetà lura

Huma qed jitolbu li l-kirja titwaqqaf, l-okkupanti jiġu żgumbrat u dawn iħallsu kumpens, stabbilit mill-istess Qorti

Is-sidien tal-proprjetà fejn hemm il-każin tal-Partit Laburista tal-Belt Valletta, li ilha fil-fatt tintuża bħala każin laburista għal 70 sena, qed jitolbu lill-Qorti biex tordna l-iżgumbrament tal-Partit Laburista mill-proprjetà sabiex tieħu lura l-proprjetà f'idejha, filwaqt li qed titlob għal kumpens. 

It-13-il sid ta' dan il-bini bin-numru 41/2 fi Triq ir-Repubblika fetħu każ Kostituzzjonali fil-Qorti Ċivili hekk kif qalu li din il-propjetà qed tinkera għall-ammont "redikolu" u annwali ta' €604.12. Dan l-ammont ma jistax jinbidel mingħajr il-permess mingħand ir-Rent Regulation Board, apparti li l-liġi kif inhi tillimita ż-żieda fil-kirja sa 40% tal-kirja annwali. 

Huma akkużaw ukoll lill-PL illi għamel xogħlijiet fuq il-proprjetà u għaqqadha mal-binjiet ħdejha, bil-konsegwenza li "ddinatura" lill-istess proprjetà in kwistjoni. 

L-emendi tal-2009 tal-liġi tal-kera ma offriet ebda protezzjoni wkoll hekk kif kienet tistipola li każini li daħlu f'kirja qabel l-1995 kienu esklużi minn dawn il-bidliet. Huma qalu li dan huwa ksur tad-dritt tagħhom li jipproteġu l-proprjetà tagħhom. Għalhekk qed jitolbu li l-kirja titwaqqaf, l-okkupanti jiġu żgumbrati u dawn iħallsu kumpens, stabbilit mill-istess Qorti. 

Deheru għas-sidien l-avukati Jason Azzopardi u Kris Busietta. 

More in Qrati u Pulizija