Raġel ta' 46 sena mill-Maċedonja tressaq il-Qorti aktar kmieni llum wara li nqabad jisraq magna li tqaxxar il-leħja kif ukoll ħames pari kalzetti minn ħanut. Huwa qal lill-Pulizija illi kien seraqhom għax kellu bżonn flus biex jiekol u li għaldaqstant kien qiegħed jippjana li jbigħ dawn l-istess oġġetti għall-flus.
L-Ispettur f'dan il-każ saħaq li ħaddiema tas-supermarket innotaw li kien hemm xi affarjiet nieqsa u kienu issuspettaw fih, wara li raw filmati tas-CCTV. Wara li reġgħu lemħu lis-suspettat fil-ħanut, l-għada, dawn kienu ikkuntattjaw lill-pulizija.
L-oġġetti li ġew misruqa nstabu f'hostel f'San Ġiljan - ir-residenza tal-akkużat - u l-kalzetti ġew irritornati lura.
L-għajnuna legali li kienet qed tassisti lill-akkużat irrimarkat li huwa kien ikkopera mal-Pulizija, irritorna l-kalzetti u sostna li ried ifittex impjieg biex ikun jista' jagħti l-flus lura lis-supermarket, jiġifieri €60.
B'hekk il-Maġistrat laqgħet l-ammissjoni tiegħu ta' ħtija u tatu sentenza ta' tliet xhur priġunerija, sospiżi għal sena.