Missier ta' sebat itfal ma jingħatax ħelsien mill-arrest wara li hedded lil martu b'sikkina

Huwa ġie arrestat ilbieraħ waranofsinhar wara rapport li għamlet il-mara 

Ritratt mill-Arkivji
Ritratt mill-Arkivji

Raġel ta' 42 sena ma jingħatax il-ħelsien minn l-arrest wara li ġie akkużat li hedded lil martu b'sikkina m'għonqha waqt ġlieda bejniethom, ilbieraħ waranofsinhar.

L-akkużat, missier ta' sebat itfal, ġie arrestat wara li martu marret tagħmel rapport għand il-pulizija fuq il-ġlieda li saret bejn il-koppja Libjana.

Huwa ġie akkużat li beżża lil martu, li insulentaha u li heddidha. Minkejja dan, huwa ċaħad l-akkużi kollha kontrih u kien għalhekk li l-avukati għamlu t-talba li jingħata l-ħelsien mill-arrest. Huma argumentaw li kellu akkomodazzjoni alternattiva u li kien ilu jgħix Malta għal dawn l-aħħar 24 sena. 

Minkejja dan l-Ispettur f'dan il-każ sostna li ma setax jingħata l-ħelsien proprju għaliex kemm martu kif ukoll persuni oħra, kienu għadhom ma xehdux f'dan il-każ. Dan filwaqt li fakkar li l-akkużi huma ta' natura serja. Kien għalhekk li l-Maġistrat irrifjutat it-talba tad-difiża. 

More in Qrati u Pulizija