'Ma rridux tpattija imma ġustizzja u se niġġieldu sakemm issir ġustizzja ma' Pelin'

Il-familja rringrazzjat lill-poplu Malti li kien qrib tagħhom u kkundanna dak li ġara u lill-pulizija għall-azzjoni tagħhom li wasslet biex l-akkuat ikun arrestat ġurnata wara li seħħ dan ir-reat faħxi

Il-membri tal-familja ta' Pelin Kaya
Il-membri tal-familja ta' Pelin Kaya

Hekk kif illum Jeremie Camilleri tressaq il-Qorti akkużat bl-omiċidju ta' Pelin Kaya, wara s-sessjoni fil-Qorti feġġew membri tal-familja tagħha f'agunija speċjalment oħtha li dehret kontinwament tibki. Interpretu tal-familja tagħha tkellmet quddiem il-ġurnalisti u qalet illi l-ġenituri ta' Kaya ma kellhomx is-saħħa jiġu Malta. Qalet illi l-familja hija "mweġġa' ħafna u rrabjata hekk kif parti minna mietet ma' Pelin Kaya." 

"Pelin Kaya kienet persuna intelliġenti u mill-isbaħ, kellha l-ambizzjonijiet u l-ħolm tagħha li ddeċidiet li twettaqhom f'Malta. Imma l-futur sabiħ tagħha insterqilha minħabba l-avvenimenti atroċi li seħħew. Ma nistgħux nifhmu x'seta' ġara biex din il-persuna wettqet dawn l-atroċitajiet," qalet l-interpretu tal-familja. 

Fis-sigħat bikrin ta’ lbieraħ filgħodu, proprju f’għeluq sninha, Kaya kienet miexja fi Triq Testaferrata meta ntlaqtet mill-karozza ta’ Camilleri. Minkejja li ngħatat l-għajnuna, sfortunatament, Kaya mietet ftit tal-ħin wara. Wara li tajjar lill-Kaya, Camilleri ħabat mal-infrastruttura tal-pompa tal-petrol u sussegwentament baqa’ dieħel ġol-istabbiliment tal-ikel KFC. Wara dan, ħareġ mill-karozza u beda’ jwaddab il-ġebel li kien waqa’ lin-nies.

"Aħna ma rridux tpattija imma ġustizzja u se niġġieldu sakemm issir ġustizzja ma' Pelin," sostniet il-familja mbikkma quddiem il-Qorti llejla.  

Intant huma temmew jirringrazzjaw lill-poplu Malti li kien qrib il-familja u kkundanna dak li ġara, lill-pulizija għall-azzjoni tagħhom li wasslet biex l-akkuat ikun arrestat ġurnata wara li seħħ dan ir-reat faħxi.

More in Qrati u Pulizija