'Dan ma kienx sempliċi inċident' - L-Ispettur Kurt Zahra hekk kif Camilleri jitressaq il-Qorti

Fis-sigħat bikrin ta’ lbieraħ filgħodu, proprju f’għeluq sninha, Kaya kienet miexja fi Triq Testaferrata meta ntlaqtet mill-karozza ta’ Camilleri, li kien qed isuq taħt l-effetti tad-droga...

Jeremie Camilleri, ir-raġel li tajjar lil Pelin Kaya meta kien taħt l-influwenza tal-kokaina, tressaq il-Qorti llejla akkużat bl-omiċidju tal-istess Kaya. Fis-sigħat bikrin ta’ lbieraħ filgħodu, proprju f’għeluq sninha, Kaya kienet miexja fi Triq Testaferrata meta ntlaqtet mill-karozza ta’ Camilleri. Minkejja li ngħatat l-għajnuna, sfortunatament, Kaya mietet ftit tal-ħin wara. Wara li tajjar lill-Kaya, Camilleri ħabat mal-infrastruttura tal-pompa tal-petrol u sussegwentament baqa’ dieħel ġol-istabbiliment tal-ikel KFC. Wara dan, ħareġ mill-karozza u beda’ jwaddab il-ġebel li kien waqa’ lin-nies.

Hekk kif beda jixhed fl-awla - fejn preżenti kien hemm omm il-vittma tibki u li ġiet Malta mit-Turkija - L-Ispettur Kurt Zahra li qed imexxi l-Prosekuzzjoni qal illi "dan ma kienx sempliċi inċident tat-traffiku imma omiċidju volontarju." 

Camilleri, li għandu 33 sena, mhux l-ewwel darba li xellef difrejgħ mal-ġustizzja. Fil-fatt fit-2 ta’ Jannar ammetta li seraq xi vitamini b’valur ta’ €92. Huwa kien kiser il-kundizzjonijiet ta’ ordni ta’ probation fuq każ ieħor li imponietlu l-Qorti ta’ Għawdex, fi Frar 2021.

Kaya, li hija minn Istanbul u li kienet għadha kif għalqet 30 sena, kienet interior designer u kienet taħdem f'ħanut tal-għamara. Hija kienet tgħix il-Gżira, qrib il-post li tilfet ħajjitha.

L-Avukat Difensur Alfred Abela qal li waqt l-investigazzjoni l-akkużat kien tpoġġa taħt il-kura psikjatrika u talab biex dan jibqa' jinżamm Monte Carmeli, iżda l-Qorti ċaħdet din it-talba bil-Maġistrat jgħid li hija prattika ħażina li l-Qorti tordna li persuni jinżammu Monte Carmeli. Huwa ordna li l-akkużat jintbagħat fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin. 

Il-Maġistrat Joe Mifsud li se jkun qed jippresiedi fuq il-każ kkundanna dik li sejjaħ "kultura tal-mewt" wara li l-akkużat irriżulta pożittiv għall-kokaina - u qal li mingħajr ma jidħol fil-merti tal-każ irid jinnota kif illum qed "inbatu mill-konsegwenzi ta' dawk li jridu jiċċelebraw bil-kokaina u s-sustanzi."

Id-Difiża ma talbitx għall-ġelsien mill-arrest. 

 

More in Qrati u Pulizija