Omiċidji li xxukkjaw lil Malta: Alfie Rizzo, u Gaetano Romano (1)

Alfie Rizzo u Gaetano Romano: Żewġt irġiel, żewġ omiċidji. L-ILLUM tmur lura għal żewġ delitti li minkejja li saru snin ‘il bogħod minn xulxin it-tnejn ixxukkjaw lil Malta hekk kif pajjiżna tilef stilista tax-xagħar, raġel u missier tant maħbub u ra omiċidju li bħalu qatt ma seħħ... 

Lino Cauchi - midfun fiċ-Chadwick Lakes, Simone Grech - maqtulha b’daqqiet ta’ sikkina wara li ġiet imsawta,  Sylvia King - maħruqa f’karozza, Christian  Pandolfino  u Ivor Maciejowski - sparawlhom f’dahrom, Alfie Rizzo – inqatel fil-post li tant għamlu popolari u Gaetano Romano – jinstab b’sitt imsiemer f’rasu.  

Dawn huma uħud mill-aktar delitti xokkanti, makabri u ftit minnhom taħt mantell ta’ misteru sa llum. L-ILLUM se tkun qed tirrapporta fuqhom fil-ġimgħat li ġejjin.  

Għal din il-ġimgħa, din il-gazzetta tirrakkonta l-istorja ta’ żewġt irġiel li l-każi tagħhom qanqal sens ta’ dwejjaq u biża’ daqs – dak li suppost hu – il-bard ta’ Jannar.  

Min hu Alfie Rizzo? 

Kulħadd jiftakar lil Alfie bħala l-istilista tax-xahar fil-Gżira li kien jidher fuq il-programmi televiżivi, jitkellem dwar il-prodotti u l-ingredjenti tagħhom u liema stili tax-xagħar kienu l-aktar moda.  

Sfortuntament il-memorja ta’ Rizzo bħala l-istilista ġiet imtappna bit-traġedja tal-qtil makabru tiegħu, 25 sena ilu. Rizzo inqatel bi 17-il daqqa ta’ sikkina fil-ħanut tiegħu stess, fi Triq Ta’ Sliema fil-Gżira, minn Aimen Said Giali El Baden – b’kompliċità ta’ Ibrahim Ramandan Ghamber Shnishah - li dak iż-żmien kellu biss 17-il sena u xi ftit xhur, età li eventwalment wasslitu biex kellu sentenza ta’ priġunerija ftit inqas milli suppost. 

X’ġara dakinhar tad-delitt?  

Kien l-4 ta’ Frar 1998. Qabżu l-10 p.m. u Alfie ma rritornax id-dar u l-mara tiegħu, imħassba, ċemplet l-Isptar iżda Alfie ma’ kienx hemm, ċemplet il-Mediterranean Conference Centre - għaliex kien qiegħed jipparteċipa f’festival - iżda ma kienx hemm. Rizzo ċemplet lil ħabib kbir tiegħu Ray Azzopardi, eks-Ambaxxatur Malti fil-Belġju, li dak il-ħin kien fl-istudios tal-One. Inkwetat, flimkien ma’ kollegi tiegħu, telaq lejn il-ħanut ta’ Alfie u dlonk lemħu l-karozza tiegħu ipparkjata quddiemu u ra l-bieb tal-ħanut imbexxaq. Fetħu bil-mod u lemħu lil xi ħadd mal-art iżda ma kienx ċar x’kien ġara minn Alfie għax ma kienx hemm biżżejjed dawl. Meta imbagħad indunaw b’dak li ġara ċemplu l-ambulanza iżda Rizzo kien diġà miet bi 17-il daqqa ta’ sikkina f’għonqu, f’sidru u f’wiċċu.  

Mill-investigazzjonijiet tal-Pulizija irriżulta li Rizzo instab f’għadira demm ħdejn sufan iswed. Sors kien qal lill-Pulizija li lemħet raġel Libjan dieħel fil-karozza tal-istilista ġimgħa qabel id-delitt, aktar tard ikkonfermat bħala Mohammed Ramadan Salah. Aktar tard iżda irriżulta li dan ma kellux involviment dirett fil-qtil, iżda infurmahom fuq iċ-ċirku ta’ Libjani li kienu jafu lil Alfie. Huwa kien qalilhom ukoll li kien jaf min qatlu u dawn kienu El Baden u Shnishah. Huwa stqarr li dakinhar tad-delitt marru l-appartament tiegħu u El Baden mar jaħsel idejh, li kienu mċappsa bi dmijja. Salah indika li El Baden kellu ferita f’subajgħ tax-xellug li skont El Baden, kienet ikkawżatha minn Alfie meta beda jirreżistih.  

Il-Forzi Armati ta’ Malta kienu sabu l-mobile u ċ-ċavetta tal-vittma kif ukoll il-qalziet tal-akkużat. Milli ntqal aktar tard waqt il-proċeduri legali, El Baden kien biddel il-qalziet ma’ tal-vittma għax tiegħu kien miksi bid-demm.  

X’ħareġ mill-Qorti? 

Waqt l-interrogazzjoni Salah kien allega li Shnishah kien qabbad lil El Baden biex joqtol lil Alfie biex jisirqu. Meta interrogat El Baden ġie kkonfrontat fuq il-ferità li kellu f’subajgħ u hu kien ammetta li qatlu. Waqt il-ġuri ntqal li Shnishah kien introduċa lil El Baden u lil Alfie għall-ħabta tad-9.30p.m. tal-jum tad-delitt u li kienu marru fil-ħanut tiegħu hekk kif El Baden kien se jkollu x’jaqsam miegħu.  

Madankollu, waqt li ġie interrogat Shnishah kien ċaħad l-involviment u saħaq li lill-vittma kien jafu minn wiċċu u li dan kien jiffrekwenta irġiel Għarab. Aktar tard waqt il-proċess tal-ġuri, li ħa madwar ġimgħa, ġie magħruf li Shnishah, il-mandat tal-qtil, qagħad bħala “lookout” sakemm qatlu.  

Tajjeb li mmorru ftit lura għal punt li semmejna qabel, jiġifieri minkejja li kien hemm allegazzjonijiet li dan il-qtil sar għal flus,  meta l-Pulizija marru fuq ix-xena tal-qtil kienu sabu flus moħbija ħdejn il-cash register u Lm300 wkoll fil-karozza ta’ Alfie. Għaldaqstant il-Pulizija bdiet temmen li l-qtil ma kienx minħabba serqa. Waqt il-ġuri ħareġ ukoll li El Baden kien seraqlu xi oġġetti u Lm30.  Aktar tard l-Avukat Prosekutur Anthony Barbara ikkummenta li Rizzo kien magħruf, kellu l-flus u kellu “ċertu tendenzi sesswali.”  

El Baden - il-qattiel ta' Rizzo
El Baden - il-qattiel ta' Rizzo

Fl-aħħar tal-ġuri, El Baden instab ħati u l-Assistent Avukat Ġenerali ta’ dak iż-żmien, Anthony Barbara, saħaq li din is-sentenza kellha twassal il-messaġġ li “is-soċjetà mhux se tħalli barranin jaħsbu li jistgħu joqtlu lil Maltin u jkollhom sentenza ridotta għax ma kinux fil-viċinanza tal-familja.” Hawn huwa kien qiegħed jirribatti lid-difiża li ġabet l-argument illi l-fatt li El Baden m’għandu lil ħadd mill-familja f’Malta kienet tagħmel is-sentenza tal-priġunerija aktar iebsa.  

Il-liġi tistipula li l-massimu ta’ snin li jista’ jingħata bħala sentenza tonqos bi grad jew tnejn jekk il-persuna tkun taħt it-18-il sena. Fil-fatt El Baden ingħata 25 sena priġunerija, liema sentenza ġiet fi tmiemha f’Awwissu li għadda.  

Min hu Gaetano Romano? 

Il-Qtil ta’ Gaetano Romano jibqa’ wieħed mill-aktar qtil makabru li seħħ f’pajjiżna. Dan aktar u aktar minħabba l-fatt li Romano kellu biss 20 sena meta nstab ġo forn fil-ħanut tal-familja, b’sitt imsiemer, twal 15-il ċentimetru, f’rasu. Dan iż-żagħżugħ kien jaħdem mal-kumpanija ta’ missieru Cinque Stelle li kienet tbigħ iċ-ċeramika, il-gypsum u toffri servizzi ta’ interior design, twaħħil ta’ madum u suffetti. Huwa kien iben Nicola Romano, Sqalli. Ommu mietet tmien snin qabel il-mewt tiegħu, fl-2009. Romano kien jgħix kantuniera ‘l bogħod mill-post fejn nstab mejjet, minn missieru u ħabibtu.  

Iż-żagħżugħ li l-każ tal-qtil tiegħu għadu ma ssolviex
Iż-żagħżugħ li l-każ tal-qtil tiegħu għadu ma ssolviex

Li jibqa’ fattur mill-aktar xokkanti f’dan il-każ huwa wieħed, li fi żmien 14-il sena dan il-każ baqa’ mhux solvut.  

X’ġara dakinhar tad-delitt?  

Id-delitt ta’ Romano mhux l-uniku wieħed li jibqa’ każ b’ħafna misteri f’pajjiżna, anzi. Madankollu tul dawn is-snin qam ħafna għajdut dwar il-mottiv tal-qtil, inkluż li seta’ sar minn xi barranin, li seta’ kien qtil vendetta u li anke saħansitra seta’ seħħ minħabba drogi, iżda l-Pulizija qatt ma qabdet tarfu.  

Il-misteru ta’ dan il-każ ma jibqax biss ta’ min kien il-qattiel iżda wkoll ta’ meta inqatel. Aktarx Romano inqatel bejn il-lejl tat-30 u 31 ta’ Marzu 2009. Missier Romano kien irrakkonta li sa xhur qabel ma twettaq id-delitt il-missier u l-iben kienu jirċievu u jaraw affarjiet strambi. Nicola saħaq li darba kien sab xi imsiemer quddiem il-bieb tal-garaxx – il-post fejn seħħ il-qtil – u darba oħra kien sab krozza waħda quddiem il-bieb. Meta neħħiha din reġgħet tfaċċet ftit wara.  

Aktar tard Nicola kien qal li eventwalment irrealizza li dawn setgħu kienu messaġġi sottili li l-qattiel kien qiegħed iħallilhom. Nicola kien qal ukoll li l-kelb tagħhom ġie misruq. Għadda ż-żmien u Nicola u Gaetano kienu rċevew ritratt tal-kelb tagħhom maqtul u aktar tard sabuh imrembel ġo tapit fl-għalqa ta’ quddiemhom.  

Ftit qabel ma’ seħħ il-qtil Nicola kien sejjer btala ma’ martu u ż-żewġ uliedu fil-Marokk, iżda qalbu ħebbritu li kien se jiġri xi ħaġa ħażina. Tant hu hekk li għamel minn kollox biex ibnu jmur il-btala miegħu u anke ippropona li jmur minfloku. Madankollu Gaetano kien irrifjuta u qallu li kien se jieħu ħsieb in-negozju hu u li xtaqt li jfaddal għax kien se jmur btala l-Ingilterra, fis-sajf.  

Nicola, anke jekk kontra qalbu, mar il-btala u meta pprova jċempel lil ibnu dan ma bediex iwieġeb, minkejja li pprova jikkuntattjah id-dar, fuq il-mobile u fuq it-telephone tax-xogħol. Għal mument kien ħaseb li ma riedx ikellmu għax kellhom argument fuq din il-btala iżda Nicola mal-ewwel irritorna Malta għax moħħu beda’ jiġri bih.  

Għaldaqstant meta mar fil-garaxx prova jidħol iżda dan kien imsakkar. Kien hemm li Nikola, b’paniku, kellem lil ħabiba ta’ ibnu li stqarret miegħu li fl-aħħar jiem ma kienx ikkuntattjaha. Eventwalment, wara li daru postijiet li kien jiffrekwenta u baqgħu ma sabuhx, marru jiżgassaw il-bieb u qallbu l-post ta’ taħt fuq. Madankollu, baqgħu ma sabuhx.  

Il-ħabiba ta' Romano kienet indunat li l-bieb tal-forn (furnace) kien magħluq b’firoll minkejja li l-prassi ta’ meta ma jintużax kien li l-bieb ikun imbexxaq. Kien hemm li Nicola fetaħ il-bieb tal-forn u sab lil ibnu fih, mal-art, bi dmijja ma’ rasu. Sa dak il-ħin kien għadu mhux ċar x’ġara u ma ġarax. Hija talbet għall-għajnuna u fuq il-post wasal is-surġent Luke Bonello, Pierre Calleja – dak iż-żmien Assistent Kummissarju - Silvio Valletta – dak iż-żmien Supretendent- u l-Ispetturi Keith Arnaud, Daniel Zammit u Stephen Mallia, fost uffiċjali oħra.  

Ritratt meħud minn Darrin Zammit Lupi ta’ missier il-vittma fil-post li nqatel ibnu
Ritratt meħud minn Darrin Zammit Lupi ta’ missier il-vittma fil-post li nqatel ibnu

Nicola kien viżibilment emozzjonat. Intant fuq il-post il-Pulizija sabu 18-il gramma kokaina u 80 pillola tal-ecstasy fuq il-post. Aktar tard intqal li dawn setgħu kienu se jintużaw għall-party ta’ għeluq sninu.  

Mill-awtopsja rriżulta li d-dmijja kienu ġejjin min feriti gravi f’rasu, li kienu moħbijin b’xagħru u li ma ġewx identifikati mal-ewwel meta instab. Irriżulta li tant kellu msiemer f’rasu li aktarx kien hemm użu ta’ martell elettriku iżda dan qatt ma nstab u Nicola ikkonferma li qatt ma kienu jagħmlu użu minnu huma. Aktar tard il-Pulizija imxiet għall-possibilità li kien hemm aktar minn persuna waħdaa involuta f’dan il-każ, speċjalment jekk intuża martell normali. Dan iffisser li jekk hu l-każ, minn tal-inqas żewġ persuni kienu qed iżommuh filwaqt li persuna oħra bdiet issammar.  

Minkejja li l-awtopsja rriżultat inkonklussiva, Gaetano miet qabel ma ddaħħal fil-forn hekk kif ma nstabx trab fl-istonku tiegħu li seta’ kien fil-kamra. Peress li dan il-forn kien jintuża biex inixxef iċ-ċeramika, rapporti ta’ dak il-perjodu saħqu li ġisem Romano kien maħruq, madankollu dakinhar il-forn ma ħadimx kif suppost.  

Il-pulizija interrogat erbat irġiel, inkluż Marokkin li kien jaħdem fl-istess negozju kif ukoll Bulgaru tal-istess età ta’ Gaetano hekk kif dawn ġieli argumentaw. Minkejja l-fatt li anke Nicola kien għadda xi ismijiet ta’ persuni, il-pulizija qatt ma sabet provi konkreti.  

Nicola kien sab ittra miktuba minn ibnu li kien kiteb qabel mewtu illi fiha spjega li kien qiegħed jibża’ għal ħajtu u kien indika isem qrib il-familja li kien jibża’ minnu. Gaetano kien spjega li din l-ittra kien kitibha ħalli “f’każ li jiġrili xi ħaġa tkunu tafu lil min tfittxu – mhux se tfitxxu ‘l bogħod.”  

L-informazzjoni biex inkiteb dan l-artiklu ttieħdet minn diversi siti tal-aħbarjiet kif ukoll minn artikli li deheru fuq il-gazzetta ILLUM, fl-2014 miktubin minn John Pisani.  

More in Qrati u Pulizija