Wieħed mill-whistleblowers li rrapporta lil tliet kollegi tiegħu li kienu qed jużaw forza fuq persuni barranin, qal li l-istess tliet pulizija ammettaw miegħu li kienu qed jagħmlu dan.
Dan ħareġ illum hekk kif kompliet il-kumpilazzjoni kontra Rica Mifsud Grech, Jurgen Falzon u Luca Brincat, akkużati li kienu jarrestaw persuni barranin, jeħduhom fl-imwarrab u jsawwtuhom.
Illum xehed Nathan Zerafa, wieħed mill-pulizija li rrapporta lit-tliet kollegi tiegħu minħabba abbuż ta’ poter.
Huwa qal li kien xogħol fil-grawnd Victor Tedesco tal-Ħamrun meta xi pulizija stqarrew miegħu dwar dak li għaddej minn wara dahru.
Xehed kif l-akkużati qalulu dwar dak li kienu jagħmlu, inkluż kif kienu jsawwtu lil dawn il-persuni u mbagħad iħalluhom hemm.
Zerafa ppreżenta kopja ta’ imejl li huwa bagħat lis-superjuri tiegħu dwar dan.
Tul is-seduta tal-lum, xehdu pulizija oħra, fosthom Malcolm Fenech, Larkin Lia u Kurt Zammit li tkellmu fuq arrest li sar fil-Marsa viċin it-Tiger Bar.
Qalu li raġel daħal fil-bar jistaqsi biex isarraf xi flus iżda s-sid ma riedx jagħtih, sakemm ma jixtrix xi ħaġa. Dan rrabbja u kisser ħġieġa tal-ħanut meta kien ħiereġ u għalhekk issejħu l-pulizija.
F’seduta oħra, dan ir-raġel xehed dwar dan kollu, ammetta li vera kien kisser il-ħġieġa u qal kif l-akkużati kienu heddewh u tawh xebgħa dakinhar stess.
Malcomn Fenech ukoll ikkonferma li r-raġel ammetta li kisser il-ħġieġa u ma kienx aggressiv meta kien meħud l-għassa.
Il-każ ikompli.
Aqra wkoll: