'Rabtuni, ħaduni fi ġnien u qabdu jagħtuni bis-sieq;' Allegat vittma jgħid li kienu erbgħa l-pulizija li sawtuh

Ikompli l-każ kontra t-tliet uffiċjali tal-Pulizija akkużati li kienu jiġbru l-barranin, jeħduhom fl-imwarrab u jsawtuhom

Raġel li allegatament inqabad u kien imsawwat minn pulizija f’Settembru, qal fil-Qorti li kienu erba’ l-uffiċjali li ħebbew għalih.

Dan ħareġ hekk kif kompliet il-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra Rica Mifsud Grech, Jurgen Falzon u Luca Brincat, tliet uffiċjali tal-Pulizija akkużati li kienu jaħtfu persuni barranin, jeħduhom Ħal Qormi u jsawtuhom.

It-tliet uffiċjali li bħalissa huma sospiżi mix-xogħol, qed iwieġbu mhux ħatja.

Wieħed mill-vittmi xehed illum li qal li hu ġie msawwat minn erba’ pulizija.

Spjega kif dakinhar kien f’ħanut tax-xorb fil-Marsa u kien ftit xurban. Ammetta li kien ikkawża xi ħsara fil-ħanut bi żball u s-sid kien ċempel lill-Pulizija.

Qal li meta waslu l-uffiċjali, dawn ħaduh fl-għassa biex jiffirma xi karti u mbagħad ħelsuh u qalulu li se jirċievi mill-Qorti. 

“L-uffiċjali meta kont barra qaluli li jekk jarawni fil-Marsa, kienu se jagħtuni xebgħa,” kompla jixhed. 

Qal li mar il-Park and Ride tal-Marsa biex jorqod. Spjega kif kien hemm barrani li ħebb għal mara u ftit wara reġgħu waslu l-istess uffiċjali li kkonferma li kienu l-akkużati.

“Għarfuni, rabtuni u ħaduni fi ġnien xi mkien fil-Marsa u tawni xebgħa,” qal l-allegat vittma.

Huwa ma kienx f’pożizzjoni jgħid fejnhu l-ġnien imma qal li kien xi mkien ftit ‘il barra minn Ħal Qormi, ‘il bogħod mid-djar. 

“Waqfu l-karozza, ħarġuni u tawni xebgħa. Kien hemm ieħor. Erbgħa kienu,” kompla jixhed. “Tnejn kienu bilqiegħda quddiem u tnejn wara ħdejja. Niftakar 100%.”

'Beda jgħidilhom tuh, tuh, tuh' 

Qal li ħallewh hemm u telqu u kienu pulizija tal-RIU li lemħuh ftit wara u ħaduh Mater Dei.

“Pulizija mara qaltilhom li kont miġnun. Lit-tabib għidtlu li jien mhux miġnun,” qal l-allegat vittma.

Qal ukoll li waqt l-attakk, sema’ lill-Pulizija jgħidu lil xulxin biex jitfu jew ineħħu minn fuqhom il-kameras.

Mistoqsi dwar id-daqqiet, il-vittma qal li tawh daqqiet ta’ sieq f’wiċċu. 

“Wieħed minnhom kien Spettur. Beda jgħidilhom tuh, tuh, tuh,” kompla jgħid.

Hawn l-istess xhud irrefera għal Luca Brincat, wieħed mill-akkużati u qal li dan ma kienx l-ewwel inċident miegħu. Qal li darba minnhom kien rieqed quddiem il-BOV meta għaddiet karozza tal-Pulizija, ħareġ Brincat u uża fuqu il-pepper spray u anke t-taser gun. 

Huwa qal li minħabba d-dawl tat-torċ f’għajnejh u minħabba l-ispray ma jafx jgħid minn kienu l-uffiċjali l-oħra.

Il-każ ikompli aktar tard dan ix-xahar. 

More in Politika