Sawwtuh, tawh bis-sieq f'wiċċu u ħallewh abbandunat mitluf minn sensih - Jixhed Surġent

Il-Qorti tisma' wkoll kif wieħed mill-vittmi kellu problemi ta' saħħa mentali serji u anke problemi ta' alkoħoliżmu u droga...

Meta kien qed jixhed dalgħodu s-Surġent Alexander Gauci - waqt il-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra tliet membri tal-Korp tal-pulizija; Rica Mifsud Grech, Jurgen Falzon u Luca Brincat - huwa qal illi hu kien ilu stazzjonat għal 10 snin fil-Ħamrun u li sitt snin minnhom għamilhom bħala surġent. Huwa beda jirrakkonta kif nhar it-3 ta' Ottubru irċieva telefonata minn kollega li qal illi l-ġurnata ta' qabel kien xogħol il-Victor Tedesco Stadium meta ġew "diversi uffiċjali tal-pulizija" u bdew jgħidulu x'kien qed jiġri minn wara daharu, "imma ma elaborawx."  Qalulu iżda li kien hemm kuntistabbli illi kienet xogħol ma' Rica u Brincat li qalulha li jridu jmorru magħha għal patrol fil-Marsa. 

"Meta waslu kien hemm xi nies li ppuntaw lejn raġel ta' karnaġġjon iswed li kellu jinġabar u li ttieħed fil-karozza. Dawn il-pulizija marru lejn il-wied ta' Ħal Qormi ħdejn il-petrol station ta' Gaffarena... hi spjegat li lil dan ir-raġel sawwtuh, tawh bis-sieq f'rasu u ġenbejh sakemm intilef minn sensih." Ix-xhieda qal illi hi spjegat  kif wara li ssawwat mill-pulizija tħalla abbandunat fuq il-post. "Waqt li konna qed niddiskutu, pulizija ieħor qalilna li kien hemm drabi fejn kienu jmorru l-Marsa, jaraw raġel iswed rieqed barra, iqajmuh u jagħtuh daqqa ta' ħarta u xi kultant anke jagħtuh bit-taser."

Gauci kompla jgħid kif darba uffiċjal ieħor tal-pulizija qallu li f'okkażjoni minnhom kien qed isuq u pulizija kien qallu biex imur ħdejn xatba fil-Marsa. Hemmhekk kien indikat raġel - mill-ġdid ta' karnaġġjon iswed - U l-istess reġa' ġara: Ittieħed f'wied, ġie imsawwat u sofra daqqiet ta' ponn f'wiċċu. Malli dan il-pulizija pprova jwaqqaf lill-kollega tiegħu, dan qabad ġebla u wadabha fuq ras l-immigrant u telaq mix-xena. 

Dan il-pulizija tant kien inkwetat li mar lura fil-post biex jara jsibx lir-raġel u jgħinu. 

Ix-xhud kien imbagħad rrapporta lis-superjuri tiegħu, u minn hemmhekk bdiet investigazzjoni. 

Waqt li kien mistoqsi mill-avukat Franco Debono, ix-xhud ċaħad li hu kien ta struzzjonijiet biex nies fis-sakra jintbagħtu fit-tinda tal-patata fil-Marsa. "Meta jkollna nies fis-sakra inċemplu lill-ambuanza," kompla jispjega Gauci. 

Il-vittma kellu problemi mentali serji... attakka ħaddiema f'Monte Carmeli

Intant professjonist tas-saħħa mentali sostna quddiem il-Qorti illi wieħed mill-vittmi - ir-raġel Somalu li ġie maħtuf u msawwat minn uffiċjali tal-pulizija f'attakk motivat razzjalment - kellu problemi ta' saħħa mentali li jmorru lura snin u li ggravaw minħabba l-użu tal-abbuż tal-alkoħol filwaqt li darba kien anke "tterorrizza ħaddiema fl-Isptar Monte Karmeli."

Kienet Dr.Claire Axiak mill-Klinika tas-Saħħa Mentali tal-Furjana li qalet illi fil-fatt il-vittma kien ilu jingħata trattament fl-Isptar Monte Carmeli u li huwa persuna b'personalità "anti-soċjali" speċjalment wara li kien beda jixrob ħafna alkoħol u jieħu ħafna kokaina u anke kannabis. 

It-tabib qalet li meta ddaħħal Monte Carmeli nhar il-15 ta' Settembru kien liebes kowt u li fih kien hemm flixkun u anke mqass. It-tabib qalet illi l-vittma huwa persuna skizofrenika. Il-vittma fil-fatt kien ħafna drabi jhedded lill-ħaddiema fl-Isptar Monte Carmeli, jarmi l-kafè lejn l-infermiera filwaqt li xi kultant kien jitlob lill-Imam għall-flus, li mbagħad jonfoq kollha fuq droga. 

 

More in Qrati u Pulizija