Raġel akkużat illi abbuża minn tifel ta' ħames iżda jisħaq li din akkuża malizzjuża frott l-għira ta' missier it-tifel

L-avukat tal-akkużat jgħid li missier it-tifel jgħir għall-fatt li l-eks mara tiegħu imxiet 'il quddiem f'ħajjitha u li t-tifel bena relazzjoni tajba mat-tifel

Raġel ta' 42 sena ingħata l-ħelsien mill-arrest wara li kien akkużat illi abbuża minn tifel ta' ħames snin, li huwa iben is-sieħba tiegħu. Iżda l-avukati tiegħu qed jisħqu illi r-rapport li sar kontra l-akkużat kien wieħed malizzjuż. 

L-akkużat fil-fatt ċaħad l-akkużi kontrih, bl-Avukat Difensur Albert Zerafa jisħaq illi l-allegazzjonijiet "ħolom bihom l-eks raġel tas-sieħba tiegħu għax għajjur għall-fatt li l-mara kompliet għaddejja b'ħajjitha u għax ibnu kien stabilixxa relazzjoni tajba mal-akkużat. 

Zerafa spjega kif is-sieħba tal-akkużat u l-eks raġel tagħha kellhom separazzjoni ostili ħafna b'binhom jispiċċa fin-nofs. Innota wkoll kif l-akkużat għandu tfal tiegħu u qatt ma kien hemm raġuni jew suspett ta' mġieba ħażina. 

Huwa żied jgħid illi dawn l-akkużi diġà kienu suġġett ta' investigazzjoni mis-servizzi soċjali, liema investigazzjoni tlestiet f'Awwissu u ma kienx irrakomandat li titieħed azzjoni. Fakkar ukoll li t-tifel u l-omm jgħixu mal-akkużat. 

Il-Qorti aċċettat it-talba ta' ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta' €5,000 u garanzija personali ta' €10,000, filwaqt li imponiet il-kundizzjoni illi sakemm il-każ ikun deċiż it-tifel jgħix mal-missier bijoloġiku tiegħu. 

More in Qrati u Pulizija