Sena ħabs u deportazzjoni għal erba' nisa li mexxew burdell

Il-Pulizja bdiet tosserva numru ta' rġiel deħlin u ħerġin mill-appartament li kienu qed joperaw minnu

Erba' nisa Kolombjani ingħataw sena priġunerija, sospiżi għal erba' snin, hekk kif ammettew fil-Qorti li pparteċipaw u li mexxew burdell, fil-Gżira. 

In-nisa, li l-etajiet tagħhom ivajraw minn 19 sa 29 sena, ġew arrestati meta sar rejd minn Pulizija tal-Iskwadra Vice wara operazzjoni ta' sorveljanza. Din l-operazzjoni saret wara li ntlemħu diversi irġiel deħlin u ħerġin - li bejn wieħed u ieħor kienu jdumu madwar siegħa - ġol-appartament. Meta sar ir-rejd, uffiċjali tal-Pulizija innotaw li żewġt ikmamar kienu qed jintużaw. Dan filwaqt li ikkonfiskaw numru ta' oġġetti li kienu jintużaw għall-prostituzzjoni. 

Uħud mill-akkużati kienu ilhom jgħixu Malta għal xahar biss u oħrajn ġimagħtejn biss. Meta dawn ġew interrogati, uħud min-nisa irrifjutaw li jwieġbu l-mistoqsijiet filwaqt oħrajn qalu li kienu jaħdmu għal rashom (self-employed). 

Fl-aħħar tas-seduta huma lkoll ammettew il-ħtija, ingħataw is-sentenza u se jkunu qed jiġu deportati. 

More in Qrati u Pulizija