Jhedded lill-eks sieħba li lest jippubblika ritratti tagħha għarwiena jekk ma tħallihx jara lil ibnu

Iż-żagħżugħ wieġeb ħati u ngħata sentenza sospiża

Żagħżugħ ingħata sentenza sospiża wara li ammetta li hedded lill-eks sieħba tiegħu li jxerred ir-ritratti tagħha għarwiena jekk ma taċċettax li jibqa’ jara lil ibnu.

Iż-żagħżugħ, li għandu 25 sena, tressaq il-Qorti dalgħodu. Huwa kien akkużat b’theddid u b’użu ħażin ta’ mezzi ta’ kommunikazzjoni. Kien akkużat ukoll li sar reċidiv.

Fil-fatt, iż-żagħżugħ qed jiffaċċja wkoll akkużi ta’ serq u pussess aggravat ta’ droga, fi proċeduri separati.

Jidher li ż-żagħżugħ hedded lill-eks sieħba tiegħu li kien lest jippubblika ritratti tagħha għarwiena, liema ritratti bgħatithomlu meta kienu għadhom flimkien.

Il-koppja għad ma għandhomx ftehim formali dwar il-kustodja ta’ binhom.

Fuq talba tad-Difiża, il-każ kien diskuss fil-privat mal-Maġistrat.

Meta marru lura f’posthom, id-Difiża informat lill-Maġistrat li l-akkużat qed iwieġeb ħati.

Huwa ngħata sentenza ta’ sena ħabs sospiża għal sentejn u anke kien ordnat iħallas multa ta’ €100.

Għall-istess perjodu, kien ordnat ukoll ma jersaqx lejn l-eks sieħba tiegħu u ordnatlu biss jagħmel kuntatt magħha biex ikellimha dwar it-tifel.

More in Qrati u Pulizija