Raġel quddiem il-Qorti wara li jweġġa' u jhedded lill-għarusa tiegħu

Verżjonijiet differenti dwar jekk marki ma' għonq il-vittma sarux miż-żagħżugħ jew inkella mill-vittma stess, kif qed jinsisti l-akkużat

Raġel inżamm taħt arrest wara li attakka u weġġa' lit-tfajla tiegħu ta' 17-il sena wara li kellhom argument fuq flokk. 

L-Ispettur Eman Hayman arresta liż-żagħżugħ ta' 22 sena minn San Ġiljan u dalgħodu ressqu l-Qorti akkużat illi attakka u kkawża ġrieħi fuq it-tfajla tiegħu li hija wkoll tqila, waqt li heddidha. Fir-rapport lill-pulizija ntqal illi l-akkużat saħansitra poġġa jdejh madwar għonq il-vittma. Minkejja dan - spjega l-avukat tiegħu Franco Debono - hu qed jinsisti li l-marki fuq għonq l-allegata vittma, għamilthom hi stess, 

L-avukat qal li l-fatti qed jiġu kkontestati bil-qawwi u talab għall-ħelsien mill-arrest.

L-Ispettur qal illi kien hemm verżjonijiet kunfliġġenti dwar dak li ġara u l-pulizija kienu wettqu investigazzjoni twila li prattikament kellha l-irwol li tiddetermina jekk il-marki madwar għonq il-mara sarux mill-akkużat jew sarux minnha stess. Il-Pulizija waslu għall-konklużjoni illi l-verżjoni tal-vittma tagħmel ħafna iktar sens, għax l-argument fil-fatt kompla għaddej f'post ieħor. 

Il-Qorti laqgħet it-talba tad-difiża għall-ħelsien mill-arrest bl-avukat Debono jfakkar li f'dan l-istadju mhux qed tkun diskussa l-ħtija jew le tal-akkużat imma jekk għandux jingħata l-ħelsien mill-arrest. Il-Qorti laqgħet it-talba fuq depożitu ta' €1,000 u garanzija personali ta' €10,000 u ordnatlu jidħol id-dar f'ċerta ħin filwaqt li imponiet ordni ta' protezzjoni favur it-tfajla. 

 

More in Qrati u Pulizija