Muka ma jingħatax il-ħelsien mill-arrest... biża' li jaħrab minn Malta

Daniel Muka jinsab akkużat bil-qtil ta' koppja fi djarhom f'Tas Sliema: Christian Pandolfino u Ivan Maciejowski

Il-Qorti kriminali ma laqgħetx talba għall-ħelsien mill-arrest ta' Daniel Muka - akkużat bil-qtil doppju f'Tas-Sliema ta' Christian Pandolfino u Ivan Maciejowski, sentejn ilu. Il-koppja rġiel kienu nstabu mejta fi djarhom, reat li Muka mhuwiex jammetti l-ħtija tiegħu. 

Qrati oħrajn semgħu kif dawk li qatlu lill-irġiel daħlu fid-dar minn quddiem - fi Triq Locker - u sparaw lejn il-vittmi, b'Pandolfino jinstab mejjet isfel u Maciejowski jinstab fis-sular ta' fuq. 

F'deċiżjoni ta' sitt paġni l-Imħallef Aaron Bugeja ċaħad il-ħelsien mill-arrest għax qal li mhuwiex konvint li Muka kapaċi jipprovdi l-garanziji mistennija minnu. Bugeja eżamina wkoll l-argumenti tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, li qal illi l-akbar biża' hija li l-akkużat jipprova jaħrab minn Malta, speċjalment minħabba li Muka ftit li xejn għandu rabta ma' pajjiżna. 

Bugeja fakkar illi jekk l-akkużat jaħrab minn Malta l-liġi ma tikkontemplax il-possibilità li l-proċeduri kontrih jkomplu fl-assenza tiegħu u allura ladarba jaħrab mill-pajjiż il-proċeduri jipparalizzaw ruħhom. 

"Kull min għandu intenzjonijiet ħżiena biżżejjed biex irid jaħrab mill-pajjiż jaf li jista' jagħmel dan illegalment u b'mod klandestin billi juża modi ta' trasport li mhumiex ordinarji u leġittimi," qal l-Imħallef. 

Huwa nnota wkoll illi l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali poġġa emfażi partikolari fuq in-nuqqas ta' abilità li Muka joffri l-garanziji jew li jkollu xi ħadd li joffri garanzija għalih.
 

More in Qrati u Pulizija