'Mhux se twaqqafni milli nieħu dak li rrid, xorta nsibek' ... mara mhedda meta ipprovat taħrab mill-prostituzzjoni

Vittma oħra tixhed fil-Qorti li wieħed mill-akkużati serqilha l-passaport biex ma taħrabx

Mara kolombjana tixhed fil-Qorti li ddaħlet fil-prostituzzjoni bil-ħsieb li tkun biss 'escort' u ġiet mhedda meta ipprovat taħrab mill-prostituzzjoni, tant li rċeviet messaġġ li jgħid; "għalxejn għamilt blokjatni. Xejn mhu se jwaqqafni milli nieħu dak li rrid. Xorta nsibek." Dan qalitu waqt il-kumpilazzjoni ta' evidenza kontra maniġer ta' lukanda ta' 51 sena minn San Pawl il-Baħar, xufier tat-taxi ta' 48 sena mill-Għarb kif ukoll ħaddiem ta' l-istess lukanda u mara li kienet taħadem f'stabbiliment tal-ikel li kienet taħsel il-platti.

Il-Kolombjana saħqet li ġiet Malta għal btala fi Frar li għadda biex tiltaqa' ma' ħabib tagħha. Qalet li ma telqitx minn Malta għaliex kien skadilha l-passaport u apparti minn hekk kien jogħġobha l-pajjiż. Għalhekk marret tgħix ġo appartament li kienet taqsam mal-ħabib tagħha u mara oħra. 

Ftit wara ġiet introdotta ma' wieħed mill-akkużat, il-maniġer, li nzerta li kien jaf lill-ħabib tagħha għax kienu jaħdmu fl-istess lukanda. Mal-ewwel darba li ltaqgħu kien ħallasha Є70 biex ikollha x'taqsam miegħu. Hija saħqet li l-maniġer kien kera l-appartament tagħhom u offrilha "xi xogħol, li jien u mara oħra stajna noqgħodu fl-appartament u hu kien se jġibilna l-klijenti. Saħansitra għamlu avviż fuq xi paġna." Aktar tard waqt il-kontro eżami hija qalet li fil-passat hija kienet 'escort' iżda kienet takkumpanja l-klijenti tagħha f'avvenimenti soċjali u qatt ma offriet servizzi sesswali.

Wieġbet ukoll li hi qatt ma kienet sfurzata fil-prostituzzjoni u li aċċettat għaliex meta kien offrielha l-ewwel darba kien wegħedha li kienet se tkun 'escort' u mhux prostituta u li kellha bżonn il-flus. 'Escort' tfisser meta persuna toffri l-ħin tagħha biex takkumpanja lil xi persuni għal xi attivitajiet soċjali, bħal pereżempju f'xi tieġ. Madankollu persuna li tagħmel dan ix-xogħol ma jfissirx li tkun prostituta. 

Aktar tard hija għamlet referenza wkoll għax-xufier tat-taxi li kienet laqmitu bħala "King Kong". Hija spjegat ukoll li dawn kienu jwieġbu t-telefonati għall-appuntamenti u li kien ikollhom bejn ħames u seba' klijenti kuljum. Kompliet tgħid li hi kienet l-aktar persuna li kienet taħdem, fil-fatt tgħid li kienet taħdem sa' nofsillejl, "il-klijenti kienu jħallsuni bil-kontanti. Meta kienu jitilqu l-klijenti kont nagħti l-flus jew lil King Kong jew lill-maniġer". 

Tgħid li minkejja li kienet titlob €60 ta' nofs siegħa u €120 ta' siegħa, hi kienet iżżomm nofshom.

'Kien agressiv iżda qatt ma sawwatni' 

"Meta ma kontx irrid naħdem, kien jiddejjaq. Kien agressiv, iva, iżda qatt ma' sawwatni. Kelli x'naqsam miegħu tliet darbiet u l-aħħar darba kelli nagħmel atti sesswali orali, kontra l-volonta tiegħi. Ħallasni, iżda ma ridtx li jkolli x'naqsam miegħu mingħajr ma nuża kontraċettiv, għalhekk sfurzani nagħmel affarjiet oħra," kompliet tirrakkonta l-vittma. 

Meta ippruvat titlaq minn din is-sitwazzjoni bdiet tirċievi messaġġi b'theddid mix-xufier permezz tal-mobile tal-kollega tiegħu. Qalet li kien talabha €600 inkella kien isibha fit-triq. Dawn il-messaġġi kienu ġejjin minn waħda mill-impjegati tiegħu, u tgħid li kienet rat lil din l-impjegata tgħaddi l-flus lill-maniġer. 

Il-vittma qalet ukoll li kultant kien iġib miegħu bagalja mimlija dokumenti, pistola u mobile, "iżda kien jirrispettani biżżejjed li ma jheddidnix biha." 

L-avukat li għamel il-kontro eżami kien se jistaqsi lill-vittma jekk qatt kelliex x'taqsam ma' persuna oħra qabel iżda l-Qorti ma ħallitux jistaqsi, minħabba nuqqas ta' relevanza, 

'Il-ħaddiem tal-lukanda kien ħa l-passaport tal-vittma l-oħra'

L-ispettur f'dan il-każ saħaq li l-vittma l-oħra kien ittiħdilha l-passaport mill-ħaddiem tal-lukanda, apparti minn hekk ma kien hemm l-ebda problemi oħra. Tisħaq li hija ltaqgħet mal-ħaddiem permezz tal-maniġer meta kien offrielha li jħallasha jekk ikollha x;taqsam miegħu. Min-naħa l-oħra hija saħqet li kellha problemi mal-maniġer għax kien iġiegħlha jkollha x'taqsam man-nies, kontra l-volonta tagħha.

Fuq xiex qed jiġu akkużati? 

Iż-żewġ Maltin f'dawn il-każ qed jiġu akkużati li iżolaw u għeddu repetivament lin-nisa li kienu jħaddmu kif ukoll jgħixu mill-flus li kienu jagħmlu mill-prostituzzjoni. Il-maniġer qiegħed jiġi akkużat bi traffikar għall-prostituzzjoni, bi stupru ta' waħda mill-vittmi kif ukoll b'pussess ta' arma tan-nar, li ma kinitx reġistrata. 

Min-naħa l-oħra x-xufier ta' 48 sena qiegħed jiġi akkużat li assista lill-maniġer fit-traffikar filwaqt li l-ħaddiem tal-lukanda qed jiġi akkużat li instiga r-reat, li froda lil waħda mill-vittmi u b'reati ta' immigrazzjoni. 

Waqt li l-każ kien għaddej fil-Qorti, l-mara akkużata f'dan il-każ ġiet akkużata talli qajmet kommossjoni fil-Qorti, minkejja dan fuq dan il-każ hija ċaħdet li hi ħatja. 

More in Qrati u Pulizija