Robert il-Maksar u George iċ-Ċiniż jidħku waqt li l-Espert tal-Forensika jixhed kontrihom

L-Espert tal-forensika diġitali tal-Europol Giuseppe Totaro ta lill-Qorti r-rapport tiegħu dwar 'il fuq minn 20 apparat u anke l-apparat innifsu

George Degiorgio iċ-Ċiniż (Xellug) u Robert Agius, Wieħed mill-Aħwa ta' Maksar (Lemin)
George Degiorgio iċ-Ċiniż (Xellug) u Robert Agius, Wieħed mill-Aħwa ta' Maksar (Lemin)

Espert tal-forensika diġitali tal-Europol ta lill-Qorti r-rapport tiegħu dwar 'il fuq minn 20 apparat, flimkien mal-apparat innifsu, li kollha kienu nqabdu bħala parti mill-investigazzjoni tal-pulizija dwar Jamie Vella u George Degiorgio kif ukoll l-aħwa ta' Maksar Robert u Adrian Agius.

Il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo ippresediet hekk kif illum waranofsinhar kompliet il-kumpilazzjoni tal-provi fil-konfront tal-irġiel.

Robert Agius u Jamie Vella huma mixlija li pprovdew il-bomba li qatlet lil Daphne Caruana Galizia f'Ottubru 2017. Adrian Agius huwa mixli wkoll li kkummissjona l-qtil tal-avukat Carmel Chircop fl-2015. Vella u George Degiorgio huma mixlija li esegwew il-qtil ta' Chircop f'kumpless ta' garaxxijiet, f’Birkirkara. George Degiorgio bħalissa għaddej minn proċeduri separati, flimkien ma’ ħuh Alfred, għall-involviment tiegħu fil-qtil ta’ Caruana Galizia wkoll.

Fil-bidu tas-seduta ħa tkellem is-surġent tal-pulizija li informa lill-Qorti li kien inkarigat jiġbor data minn apparat li nstabet waqt tfittxijiet f’residenza fil-Baħrija, karozza Mercedes, residenza oħra fil-Mellieħa u vettura oħra, is-sena l-oħra. Is-surġent kien ġie fdat ukoll biex iwassal l-oġġetti lill-uffiċċji tal-Europol għall-estrazzjoni tad-dejta. Hawn fejn esebixxa r-rapport u d-dokumenti ta’ sostenn. Dan filwaqt li ddepożita fiżikament l-apparati elettroniċi li kien eżamina, 20 b'kollox, fil-Qorti.

L-espert tal-Europol Giuseppe Totaro tkellem ukoll illum fil-Qorti. Totaro, speċjalista veteran fi ħdan it-tim forensiku diġitali fl-Europol kien inħatar biex iwettaq eżami forensiku u estrazzjoni tad-dejta mill-apparati.

Totaro kien xehed ukoll fl-2020, waqt il-kumpilazzjoni tal-provi kontra Yorgen Fenech, li huwa akkużat separatament dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

15-il borża tal-plastik żgħira ssiġillata, li kien fihom l-apparat elettroniku, tpoġġew fuq mejda fl-awla. Fuq talba tal-Avukat tal-Prosekuzzjoni George Camilleri, ix-xhud espert għadda l-oġġetti wieħed wieħed, u identifika l-kontenut tagħhom fil-Qorti.

Robert Agius u George Degiorgio setgħu jidhru jitkellmu u jidħku fil-baċir hekk kif kien għaddej il-proċess impenjattiv ta’ dokumentazzjoni.

Totaro esebixxa hard drive, u ta wkoll lill-Qorti kopja identika li l-prosekuzzjoni. Il-Qorti bagħtet l-atti tal-każ lura lill-AG u ffissat l-aġġornament li jmiss f’Ġunju.

L-avukati Alfred Abela u Rene Darmanin huma avukati difensuri tal-aħwa Agius. Għal George Degiorgio qed jidher l-avukat William Cuschieri.
L-Avukat George Camilleri qed jirrappreżenta lill-Avukat Ġenerali fil-proċeduri, filwaqt li s-Supretendent Keith Arnaud u l-Ispetturi Shawn Pawney u Wayne Camilleri qed imexxu l-prosekuzzjoni.

More in Qrati u Pulizija